Deborah Schembri ġiet rappurtata li qalet li hemm min jiddejjaq b’dak li jinkiteb. Hemm min iweġġa’. Dak, qalet Deborah hu abbuż u mhux libertà tal-espressjoni. Iffaċċjati b’din is-sitwazzjoni u b’mod partikolari meta r-rimedji legali ma jkunux ċari, uħud, qalet Deborah Schembri jikkunsidraw li għandhom jieħdu l-liġi b’idejhom.
Imbagħad hawn min jistkanta kif jitnaqqru d-drittijiet demokratiċi.
Qatt ma hu gustifikat li xi ħadd jieħu l-liġi b’idejh. Imma meta persuna attiva fil-ħajja pubblika bħal Deborah Schembri tasal biex titkellem b’dan il-mod jintwera bic-car l-istat li fih qiegħed il-pajjiż.
Kliem Deborah Schembri m’huwiex biss perikoluz għax jista’ jkun ikkunsidrat minn uħud bħala li jiġġustifika jew jiskuża l-użu tal-vjolenza, imma hu fuq kollox irresponsabbli għax tagħti dan il-messaġġ ċar u bla tlaqlieq.
Il-libertà tal-espressjoni hi dritt fundamentali. Għandna dritt li nkunu kritiċi ta’ kollox u ta’ kulħadd. Hu ovvju li meta tikkritika ser ikun hemm min jiddarras, min jieħu għalih. Min ma jridx li jkun ikkritikat, jimxi sewwa u ftit li xejn ikun ikkritikat! Imma kulħadd hu soġġett għall-liġi kemm min joffendi kif ukoll min ikun offiż. Għax iva id-dritt tal-espressjoni tfisser ukoll id-dritt li toffendi, imma imbagħad trid terfa’ l-konsegwenzi legali ta’ egħmilek.
Ma hemmx bżonn dritt tal-espressjoni għal min ifaħħar. Għax it-tifħir ma jweġġa’ lil ħadd. Il-ħarsien tad-dritt tal-espressjoni qiegħed hemm għal min hu kritiku, b’mod partikolari kritiku ta’ dawk fil-poter kif ukoll ta’ dawk li jinċensawhom. Il-kritika bil-fors tweġġa’, ġieli ftit u ġieli ħafna. Ħafna drabi tweġġa’ għax dak magħruf minn ftit isir magħruf minn ħafna.
Id-diffikulta ta’ min jikteb, ħafna drabi, hi fejn taqta’ linja bejn dak li hu privat u dak li mhux. Mhux kull ġurnalist hu tal-istess opinjoni. Jiddependi ukoll mis-suġġett li jkun qed jiġi eżaminat.
Imma politiku li jdeffes lill-uliedu żgħar kontinwament għall-attenzjoni pubblika m’għandu l-ebda dritt li jilmenta jekk dawn jitfaċċaw ukoll taħt il-lenti, għax il-biċċa jkun ġiebha b’idejh.
L-istil ta’ min jikteb ivarja. Hemm min jikteb b’mod dirett u jsemmi l-ismijiet ta’ dak, dik u l-oħra. Hemm imbagħad min jikteb b’mod sarkastiku u jikkritika billi jgħaddi biż-żmien. Jikteb b’nofs ċajta u juża’ l-umoriżmu bħala arma li taqta’. Huma stili li jikkuntrastaw u li jogħġbu jew idejqu persuni differenti.
Din hi d-demokrazija li kontinwament qed tiżviluppa quddiemna. Ma togħġobx lil kulħadd. Tirrikjedi ġurnalisti b’kuraġġ u politiċi b’ġilda ħoxna li ma jieħdux għalihom għal kull ħaga ta’ xejn. Imma fuq kollox hi l-bażi tad-demokrazija tagħna għax bla ġurnaliżmu serju m’aħna xejn.
Il-libertà tal-espressjoni irridu ngħożżuha kuljum. L-ebda politiku li jiddubita minn dan ma jixraqlu li jissejjaħ demokratiku.