Il-karozza bomba li splodiet fil-Bidnija u li l-pulizija qed jikkonfermaw li fiha kien hemm u mietet Daphne Caruana Galizia tqabbad lil pajjiż fit-triq tal-biża’.
Ser jingħadu ħafna stejjer u tejoriji dwar min jista’ jkun hemm wara dan il-qtil.
L-aħħar darba li ktibt dwarha kien fi Frar li għadda f’post intitolata Il-Mannara ta’ Cardona kontra l-pinna ta’ Daphne.
Dak li għidt dakinnhar nirrepetieh illum:
“Caruana Galizia ma tibza’ minn ħadd. Ħalfet li ma jmejjilha ħadd u tagħmel sewwa li fejn hi konvinta tibqa’ għaddejja. Għandi kull rispett lejn din l-attitudni anke jekk mhux neċessarjament li naqbel ma kull ma tgħid jew kif fil-fatt tgħidu.”
Hi ħasra li ħajjitha kellha tintemm b’dan il-mod brutali. Azzjoni li għalkemm hi ta’ min għamilha tirrifletti ruħha fuq il-pajjiż kollu. Dawn huma azzjonijiet li jseħħu f’pajjiżi fejn tirrenja l-Mafja.
Il-Mafja ma titkellimx bil-fjuri.
Nistennew u naraw x’ser isir u kemm jinqabad min għamel dan l-att faħxi.