Il-pass li ħabbar Owen Bonnici li l-Gvern ser jitlob il-parir ta’ kumitat parlamentari qabel ma jagħmel numru ta’ ħatriet hu pass il-quddiem. Pass żgħir iva. Imma xorta l-quddiem. Dan ma nistax niċħdu, avolja hu fermi l-bogħod milli wieħed jistenna fid-dinja tal-lum.
Il-liġi proposta għadna ma rajnihiex u għalhekk dawn il-kummenti huma bbażati fuq dak li qal Owen Bonnici. Il-Gvern, qal Owen Bonnici, ser jibqa’ jkollu l-aħħar kelma, imma ser ifittex il-parir ta’ kumitat parlamentari qabel ma jagħmel ħatriet politiċi ta’ ambaxxaturi u ċ-Ċhairpersons ta’ numru ta’ entitajiet pubbliċi. Dan hu tajjeb imma imbagħad, dejjem skond ma qal Owen Bonnici l-iskrutinju li jista’ jsir mill-kumitat parlamentari hu wieħed limitat ħafna. Għax jista’ jsir biss bil-miktub u ser ikun limitat dwar kompetenza professjonali.
Din il-limitazzjoni fil-poteri ta’ skrutinju hi daħq fil-wiċċ u jfisser li fil-prattika l-iskrutinju li jista jsir hu limitat ħafna u ftit li xejn jista’ jservi ħlief fejn ikunu nominati persuni inkompetenti.
L-aħbarijiet ta’ TVM qalulna li l-ħatriet ser jgħaddu mill-għarbiel tal-Parlament. Imma ma qalux li l-għarbiel ta’ Owen għandu toqob kbar, li minnu jgħaddi kważi kollox.
Fil-Manifest Elettorali tal-aħħar elezzjoni (u anke f’dak ta’ qabilha) Alternattiva Demokratika ipproponiet miżura ferm iktar drastika u ċjoe li l-Parlament (jew il-kumitati tiegħu) jiddeċiedi u mhux sempliċiment jagħti parir. U biex jagħmel dan għandu jgħarbel sewwa permezz ta’ skrutinju pubbliku (public hearing) mingħajr limitazzjoni.
U mela mistoqsijiet bil-miktub!