Għadni kif qrajt ir-rapport tal-Kumitat Konsultattiv dwar Imġieba Xierqa u Etika dwar il-kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN. (Ir-rapport sħiħ jista’ jinqara fil-link li hemm mar-rapport tat-Times hawnhekk.)
Qrajt ukoll ir-reazzjonijiet li hemm s’issa dwar il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport.
Il-konklużjoni ovvja u loġika hi li l-kandidatura ta’ Adrian Delia għall-Kap tal-PN mhux biss hi ta’ ħsara għall-PN innifsu imma hi fuq kollox ta’ ħsara għall-pajjiż. Għax hu fl-interess tal-pajjiż li kull partit politiku f’Malta jkun immexxi minn persuni ta’ integrità indiskussa.
L-għażla tal-persuna li eventwalment ser tmexxi l-PN hi għażla li trid issir mill-PN innifsu imma hi x-xewqa ta’ kull min irid jara iktar serjetà fil-politika lokali li Adrian Delia jirrikonsidra l-posizzjoni tiegħu immedjatament.
Dak li ġie ppubblikat dwaru fil-ġranet li għaddew jesponi dubju serju kemm hu persuna idoneja għall-ħajja pubblika.
Issa jiena, kif tafu, attiv f’partit politiku ieħor. Imma hu anke fl-interess tal-partit politiku li jiena attiv fih li l-PN jitbiegħed minn din it-trawma li ilu għaddej minnha tul dawn il-ġranet. L-irġulija w s-serjetà hekk titlob.
Il-mod ġdid li bih issir il-politika għandu jfisser li ħadd minna ma jistaħba wara subgħajh u li lkoll inkunu kapaċi nerfgħu r-responsabbiltajiet tagħna.
Huwa b’dispjaċir li ninnota li Dr Adrian Delia iddeċieda li jgħaddas rasu fir-ramel u jibqa’ għaddej. L-appell tiegħi għaldaqstant hu lil dawk ta’ madwaru biex jgħinuh jifhem li jeħtieġlu jaqbad triq differenti minn din. It-triq tas-serjetà u l-irġulija. Din ma tkunx biss l-aħjar triq fl-interess tal-PN imma fuq kollox fl-interess tal-pajjiż kollu. Għax pajjiżna jixraqlu ħafna aħjar.