Il-PN bħalissa qiegħed fi stat tal-biki. Jiena ilni nsegwi l-politika għal dawn l-aħħar 45 sena u qatt ma niftakru hekk.
Tul is-snin il-PN għadda minn żminijiet diffiċli ħafna, imma f’kull waqt kien hemm persuni ta’ statura li jmexxu bl-eżempju, anke fl-iktar żmien li kien soġġett għall-agħar insulti u umiljazzjonijiet. Issa l-PN mar il-baħar għal kollox.
Kull elezzjoni (anke interna) tkun qalila, imma din li għaddejja bħalissa qatt ma rajt bħala. Ikun x’ikun ir-riżultat, il-konsegwenzi politiċi ser jibqgħu jinħassu fuq perjodu twil ta’ żmien.
Quddiem għajnejna qed naraw tiżviluppa attitudni politika li tigglorifika “ix-xejn m’hu xejn”. L-alabiebiżmu fil-politika. Mhux biss il-ħmieġ li qed jinqala’ hu gravi. Imma min hu ikkonċernat minn dan il-ħmieġ bla dubju kien jaf bih u dehrlu li ma kienx ta’ importanza għax kieku bla dubju kien jaħsibha darbtejn.
Dan li qed iseħħ illum quddiem għajnjejna ma faqqasx illum iżda ilu jinħema u jinbena biċċa biċċa. Il-politika “tax-xejn m’hu xejn” ilha trabbi l-egħruq. Issa qed joħorġu r-riżultati tal-attitudni u l-ħidma tal-passat riċenti. Għax l-egħruq tal-alabiebiżmu issaħħu.
Wara kollox, dejjem, bla eċċezzjoni, taħsad dak li tiżra. Illum il-PN qed jaħsad dak li żera’ l-bieraħ.
Ikun x’ikun ir-riżultat finali, fl-aħħar il-konklużjoni ta’ dan kollu ser tkun waħda: li l-PN mhux ser jingħaraf mill-PL.
Min qiegħed sturdut, għax ma jafx x’laqtu, bħal f’koma, jkun aħjar għalih li jistenbaħ.