Il-kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN għaddejja. Il-kliem iebes mhux jonqos. L-anqas ir-reċtar ta’ min jilgħaba tal-vittma m’hu nieqes.
Jixraqlu l-PN li jkollu Kap prattikament fallut?
Min hu ċiniku jista’ jgħid li Frank Portelli bħala CEO tal-Isptar St Philip akkwista vantaġġ b’esperjenza biex jamministra d-djun li akkumula l-PN. Imma min hu serju u jixtieq il-ġid lill-PN ma jistax jifhem kif il-qagħda finanzjarja disastruża tal-Isptar St Philip ma tqiesitx mill-Kummissjoni Elettorali bħala fattur importanti li a bażi tagħha Frank Portelli ma kellux jitqies eliġibbli biex jikkontesta l-elezzjoni. Dan hu punt ta’ serjetá kbira u l-fatt li ma ġiex indirizzat minn kmieni m’hux ta’ awgurju.
Għax jekk dan falla fl-amministrazzjoni ta’ ħwejġu kif jippretendi li jista’ qatt imexxi sewwa ħwejjeġ ħaddieħor?
Dan apparti l-attitudi u l-linġwaġġ lemini li hu juża kontinwament u li bih jitfa’ lill-PN lura fil-Medju Evu. Imma għal uħud dik hi l-għażla li joffri Frank Portelli.
Bħal dejjem, l-għajta ta’ demm ġdid ma tonqosx. Imma hi għajta li hi minnha nnifisha ż-żerriegħa ta’ perikli kbar. Kif jaħsibha min hu ġdid mhux dejjem ikun ċar b’mod partikolari jekk dan joqgħod attent ħafna fl-għażla ta’ kliemu, kif qed jagħmel Adrian Delia. Attent mhux biex ikun preċiż, imma biex jikkommetti ruħu mill-inqas.
L-għażla f’dan il-kaz hi ta’ Kap-negozjant tal-bini, mhux biss midħla tal-industrija tal-kostruzzjoni imma mdeffes fiha sa griżmejh! Interessanti x’ser ikunu l-implikazzjonijiet ta’ din it-tip ta’ għażla.
Fl-aħħar mill-aħħar, bħal dejjem, il-PN ikollu l-Kap li jixraqlu.