Ivan Bartolo: is-solidarjetá fl-aqwa tagħha

Fi żmien meta uħud mill-politiċi, u dawk ta’ madwarhom, ikunu fl-aħbarijiet dwar dak li qed jaħtfu jew japprofittaw ruħhom minnu, hu ta’ kuraġġ li tisma’ b’wieħed li qiegħed fl-aħbarijiet għal dak li qed jagħti. Qed nikteb dwar Ivan Bartolo, Membru Parlamentari tal-PN, li iktar kmieni din il-ġimgħa kien fl-aħbarijiet minħabba donazzjoni ta’ kilwa minn tiegħu lil persuna li ma jafx biex din il-persuna tkun tista’ tgħix ħajja aħjar.

Id-donazzjoni ta’ organi umani, għal min ikun qed jirċievi d-donazzjoni hi daqs li jkun twieled mill-ġdid. Hi l-isbaħ rigal li qatt jista’ jingħata. Jekk li tħalli l-organi tiegħek biex jintużaw wara mewtek hu ġest nobbli u ta’ min ifaħħru, kemm hu iktar minn hekk jekk id-donazzjoni tagħmilha inti stess bir-rieda esklussiva tiegħek waqt li għadek ħaj.

Il-ġest nobbli ta’ Ivan Bartolo hu opportunitá biex niffukaw fuq il-ħtieġa ta’ iktar donazzjonijiet ta’ organi umani. Kemm biex ikunu salvati ħajjiet, kif ukoll biex ikun possibli li titjieb il-ħajja ta’ bosta.

Tirrikjedi kuraġġ kbir biex f’ħajtek tagħti donazzjoni ta’ wieħed mill-organi tiegħek. Dan hu ġest li xi minn daqqiet isir minn ġenituri biex jgħinu lill-uliedhom morda inkella hu ġest li jsir bejn l-aħwa biex jgħinu lil xulxin f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt. Ivan mar lil hinn minn solidarjetá bejn membri tal-istess familja. Id-donazzjoni tal-kilwa tiegħu lil persuna li ma jafx hi l-milja tas-solidarjetá umana: Ivan Bartolo huwa s-Sammaritan it-tajjeb tal-21 seklu.

F’Malta, bħal f’bosta pajjiżi oħra, d-diskrepanza bejn id-domanda għall-organi umani meħtieġa għat-trapjant u d-disponibilitá ta’ dawn l-istess organi qegħda dejjem tiżdied. Biex tkun indirizzata din id-diskrepanza, fl-2016 il-Parlament approva liġi li tipprovdi l-qafas legali tant meħtieġ għal organizzazzjoni aħjar ta’ dawn id-donazzjonijiet ta’ organi kif ukoll biex tkun protetta din l-informazzjoni tant sensittiva. Din il-leġislazzjoni tipprovdi l-mekkaniżmi meħtieġa biex ix-xewqat ta’ dawk li jixtiequ jagħmlu donazzjoni ta’ organu jew organi tagħhom wara mewthom għal skop ta’ trapjant tkun implimentata billi tkun magħrufa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Informazzjoni dwar kif tista’ tirreġistra tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tas-Saħħa (www.health.gov.mt).

Id-donazzjoni ta’ organu uman biex dan jintuża għal trapjant jista’ jsalva l-ħajja inkella jtejjeb sostanzjalment il-kwalitá tal-ħajja ta’ min jirċivieh.

Il-ġest nobbli ta’ Ivan Bartolo hu ta’ eżempju lil kulħadd dwar dak li hi s-solidarjetá umana. Grazzi Ivan.

Ippubblikat f’Illum : il-Ħadd 30 ta’ Lulju 2017

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s