Simon Busuttil, ma jitgħallem qatt

 

 

Simon Busuttil qed jgħid li mhuwiex sewwa li l-Imħallef Antonio Mizzi jisma l-appell ta Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi minn digriet tal Maġistrat Ian Farrugia biex rapport dwar allegazzjoni ta ħasil ta flus ikun investigat.

L-Imħallef Mizzi hu miżżewweġ lill-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Marlene Mizzi, jgħidilna Busuttil u għaldaqstant għandu jastjeni milli jisma l-appell.

It-tweġiba lil Simon Busuttil tista tinstab fsentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (sede kostituzzjonali) li tat l-Imħallef Lorraine Schembri Orland nhar l-4 ta Lulju 2017.

Dakinnhar l-Imħallef Schembri Orland kienet qed tisma rikors dwar kaz simili : l-ex-kandidata Laburista il-Maġistrat Joanne Vella-Cuschieri kellha tastjeni milli tisma libel li l-kandidat Nazzjonalista u Sindku tar-Rabat Għawdex għamel kontra l-ex-Ministru Laburista Anton Refalo?

Fsentenza ta 43 paġna l-Inħallef Schembri Orland kienet ċaħdet it-talba għax, kif tispjega fis-sentenza, billi Vella Cuschieri kienet attiva fil-politika qabel ma saret maġistrat ma jfissirx li mhiex persuna ta integritá jew li mhiex imparzjali.

Mhux ser noqgħod nikkwota minn sentenza li hi mimlija espressjonjiet legali li forsi ftit jinteressaw lill-qarrejja. Imma biżżejjed wieħed jgħid li l-Qrati huma mimlijin persuni fil-karigi ta Imħallfin u Maġistrati li fxi żmien jew ieħor kienu attivi fil-politika, jew huma inkella qarib viċin tagħhom. Anke Schembri Orland innifisha kienet kandidat għall-PN fl-elezzjoni tal-1987 imma ħadd ma ddubita mill-integritá u l-imparzjalitá tagħha, tant li kienet hi li tat waħda mis-sentenzi dwar iżżewġ siġġijiet tal-PN fl-elezzjoni tal-2013.

Fi ftit kliem kull ġudikant hu presunt li hu (jew hi) ta integritá u għandu jingħata l-opportunitá li jaħdem bis-serenitá kollha.   Niġġudikaw fuq dak li fil-fatt isir u mhux fuq dak li nibżgħu li jista jsir.

Ivan Bartolo: is-solidarjetá fl-aqwa tagħha

Fi żmien meta uħud mill-politiċi, u dawk ta’ madwarhom, ikunu fl-aħbarijiet dwar dak li qed jaħtfu jew japprofittaw ruħhom minnu, hu ta’ kuraġġ li tisma’ b’wieħed li qiegħed fl-aħbarijiet għal dak li qed jagħti. Qed nikteb dwar Ivan Bartolo, Membru Parlamentari tal-PN, li iktar kmieni din il-ġimgħa kien fl-aħbarijiet minħabba donazzjoni ta’ kilwa minn tiegħu lil persuna li ma jafx biex din il-persuna tkun tista’ tgħix ħajja aħjar.

Id-donazzjoni ta’ organi umani, għal min ikun qed jirċievi d-donazzjoni hi daqs li jkun twieled mill-ġdid. Hi l-isbaħ rigal li qatt jista’ jingħata. Jekk li tħalli l-organi tiegħek biex jintużaw wara mewtek hu ġest nobbli u ta’ min ifaħħru, kemm hu iktar minn hekk jekk id-donazzjoni tagħmilha inti stess bir-rieda esklussiva tiegħek waqt li għadek ħaj.

Il-ġest nobbli ta’ Ivan Bartolo hu opportunitá biex niffukaw fuq il-ħtieġa ta’ iktar donazzjonijiet ta’ organi umani. Kemm biex ikunu salvati ħajjiet, kif ukoll biex ikun possibli li titjieb il-ħajja ta’ bosta.

Tirrikjedi kuraġġ kbir biex f’ħajtek tagħti donazzjoni ta’ wieħed mill-organi tiegħek. Dan hu ġest li xi minn daqqiet isir minn ġenituri biex jgħinu lill-uliedhom morda inkella hu ġest li jsir bejn l-aħwa biex jgħinu lil xulxin f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt. Ivan mar lil hinn minn solidarjetá bejn membri tal-istess familja. Id-donazzjoni tal-kilwa tiegħu lil persuna li ma jafx hi l-milja tas-solidarjetá umana: Ivan Bartolo huwa s-Sammaritan it-tajjeb tal-21 seklu.

F’Malta, bħal f’bosta pajjiżi oħra, d-diskrepanza bejn id-domanda għall-organi umani meħtieġa għat-trapjant u d-disponibilitá ta’ dawn l-istess organi qegħda dejjem tiżdied. Biex tkun indirizzata din id-diskrepanza, fl-2016 il-Parlament approva liġi li tipprovdi l-qafas legali tant meħtieġ għal organizzazzjoni aħjar ta’ dawn id-donazzjonijiet ta’ organi kif ukoll biex tkun protetta din l-informazzjoni tant sensittiva. Din il-leġislazzjoni tipprovdi l-mekkaniżmi meħtieġa biex ix-xewqat ta’ dawk li jixtiequ jagħmlu donazzjoni ta’ organu jew organi tagħhom wara mewthom għal skop ta’ trapjant tkun implimentata billi tkun magħrufa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Informazzjoni dwar kif tista’ tirreġistra tinkiseb minn fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tas-Saħħa (www.health.gov.mt).

Id-donazzjoni ta’ organu uman biex dan jintuża għal trapjant jista’ jsalva l-ħajja inkella jtejjeb sostanzjalment il-kwalitá tal-ħajja ta’ min jirċivieh.

Il-ġest nobbli ta’ Ivan Bartolo hu ta’ eżempju lil kulħadd dwar dak li hi s-solidarjetá umana. Grazzi Ivan.

Ippubblikat f’Illum : il-Ħadd 30 ta’ Lulju 2017