Pluraliżmu anke fil-valuri

Wieħed mill-argumenti qawwija li lewnu d-dibattitu dwar id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja kien li Malta ħtieġilha tidħol fis-seklu għoxrin qabel ma taħseb biex tissieħeb fl-Unjoni. Kien argumentat li kien hemm il-ħtieġa ta’ progress fuq ħafna fronti qabel ma Malta setgħet tissieħeb fl-UE. In-naħa l-oħra tal-argument, ovvjament, dejjem kien li s-sħubija minnha innifisha setgħet tkun il-katalist għat-tibdil tant meħtieġ fis-soċjetá Maltija. Għax il-bidla tista’ ddum biex isseħħ, imma fl-aħħar mhux possibli li tkun evitata. Kif jgħidu, tardare sí, scappare no!

Malta ssieħbet fl-UE fl-2004. Il-bidla fis-soċjetá Maltija għadha għaddejja, kultant b’ritmu mgħaġġel ħafna. Ir-referendum dwar id-divorzju li sar f’Mejju 2011 ħoloq terrimot, li, nistgħu ngħidu illi għadu għaddej.

Il-liġi dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ li l-Parliament approva iktar kmieni din il-ġimgħa kienet pass ieħor f’din id-direzzjoni. Kienet deskritta bħala “immorali” (Edwin Vassallo), “Marxista” (Clyde Puli), “kommunista” (Herman Schiavone) kif ukoll “tal-Korea ta’ Fuq ” (Tonio Fenech).

Dawn it-tikketti juru kif jaħdem moħħ dawk li qed jirreżistu din il-bidla. Mid-dehra ħadd minn dawn il-kritiċi tal-leġislazzjoni dwar l-ugwaljanza fiż-żwieg ma fehem li dan il-pass kien ukoll il-konsegwenza loġika tal-emenda kostituzzjonali, approvata mill-Parlament fil-leġislatura l-oħra liema emenda kienet iċċarat li d-diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru kienet ipprojibita ukoll. L-intolleranti fost l-Insara fostna jgħidu li dawk li jappoġġaw l-ugwaljanza fiż-żwieġ huma “bla valuri”. Dawn għadhom ma irrealizzawx li l-valuri tagħhom m’humiex l-unika valuri. Qed ngħixu f’soċjetá bi pluralitá ta’ valuri. Ħadd m’għandu monopolju, la dwar il-valuri u l-anqas dwar dak li hu tajjeb jew ħażin.

Uħud mill-kelliema ewlenin tal-Opposizzjoni, minkejja li ddikjaraw l-appoġġ għal-liġi taħt konsiderazzjoni, xorta dehrilhom li kellhom jużaw il-ħin ta’ diskorshom bi kliem dispreġġattiv dwar dak propost. Dan il-lingwaġġ mimli insulti użat fid-dibattitu parlamentari sfortunatament jirrifletti fuq l-Opposizzjoni Nazzjonalista kollha, anke fuq dawk li għamlu sforz ġenwin u qagħdu attenti li jużaw  lingwaġġ konċiljattiv biex jikkomunikaw ħsiebijiethom.

L-opposizzjoni konservattiva qegħda fir-rokna. Min-naħa l-waħda riedet tħabbar mal-erbat irjieħ tal-pajjiż li issa kkonvertiet u ser tkun fuq quddiem biex tiddefendi d-drittijiet tal-komunitá LGBTIQ. Min-naħa l-oħra iżda, l-Opposizzjoni ma setgħetx tinjora l-fatt li għad għandha dipendenza qawwija fuq appoġġ minn l-agħar elementi ta’ intolleranza reliġjuża fil-pajjiż, dawk jiġifieri li għadhom iqiesu d-drittijiet LGBTIQ bħal materja ta’ “immoralitá pubblika”.  Edwin Vassallo kien l-iktar wieħed ċar fi kliemu meta iddikjara li l-kuxjenza tiegħu ma tippermettilux li jivvota favur dak li huwa ddeskriva bħala proposta leġislattiva “immorali”.

Fi ftit sekondi Vassallo (u oħrajn) ħarbat dak li kien ilu jippjana Simon Busuttil sa minn meta kien elett Kap tal-PN.  Dan wassal lil uħud biex jispekulaw dwar jekk l-Insara intolleranti, id-demokristjani u l-liberali fil-PN jistgħux jibqgħu jikkoabitaw wisq iktar.

Dan kollu jikkuntrasta mal-mod kif ġiebu ruħhom il-konservattivi fil-Partit Laburista. Dawn, minħabba kalkuli politiċi, ippreferew li jew jibqgħu ħalqhom magħluq inkella qagħdu attenti ħafna dwar dak li qalu. Jidher li tgħallmu xi ħaġa mid-dibattitu dwar id-divorzju!

L-approvazzjoni mill-Parliament tal-liġi dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ huwa pass ieħor il-quddiem favur il-pluraliżmu tal-valuri. Il-Parlament aċċetta l-pluraliżmu tal-valuri u iddeċieda li kulħadd jixraqlu r-rispett. Għandna bżonn nifhmu, lkoll kemm aħna, li qed ngħixu f’soċjetá bi pluralitá ta’ valuri li lkoll jixirqilhom ir-rispett. Hu possibli li ma naqblux, imma li ninsulentaw lil xulxin minħabba li nħaddnu valuri differenti ma jagħmilx sens. Xejn m’hu ser jibdel il-fatt li ħadd ma għandu monoplju fuq il-valuri li f’numru ta’ każi jikkontrastaw.

Malta illum introduċiet l-ugwaljanza fiż-żwieġ. M’aħniex ser indumu biex nindunaw li dan ser jagħmel lis-soċjetá tagħna waħda aħjar, għal kulħadd.

ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 16 ta’ Lulju 2017

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s