Wiċċu bla żejt

 

Persuna li ma tistħix ngħidulha li jkollha wiċċ bla żejt. Taġixxi b’mod sfaċċat, qiesu ma ġara xejn. Bħall-membru parlamentari tal-PN David Agius.

David Agius, meta kien membru parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern kien, flimkien ma oħrajn, ivvota favur li art f’diversi partijiet ta’ Malta, fil-parti l-kbira tagħha art verġni, tingħata għall-iżvilupp. Issa qasam fuq in-naħa l-oħra u qiegħed jappoġġa lir-residenti li qed jipprotestaw kontra dan l-iżvilupp li hu ivvota favur tiegħu.

F’Ħ’Attard, fl-inħawi magħrufa Tal-Idward, fil-periferija taż-żona tal-iżvilupp, David Agius jappoġġa lir-residenti li qed jipprotestaw biex art agrikola ma tkunx żviluppata. Ir-residenti huma rrabjati għax issa hemm it-tieni applikazzjoni biex ikun determinat kif tista’ tkun żviluppata l-art fl-inħawi tal-Idward.

David Agius kien hemm, kważi ċass, bla espressjoni f’wiċċu. Ħdax-il sena ilu, fil-Parlament kien ivvota favur l-istess żvilupp li issa kien qed jipprotesta kontra tiegħu!

L-istorja kollha hi dwar dak li hu magħruf bħala l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni li permezz tiegħu meded kbar ta’ art imxerrda mal-gżejjer Maltin, sa dakinnhar barra miż-żona tal-iżvilupp, saru tajbin għall-bini. Bil-vot tiegħu favur dan kollu David Agius għin biex dan ikun possibli li jsir. David Agius mhux waħdu. Fuq il-bankijiet tal-Opposizzjoni għad hemm diversi kollegi tiegħu li għamlu bħalu.

L-ippjanar għall-użu tal-art hu strument li għandu jkun użat fl-interess tal-komunitá kollha, u mhux fl-interess tal-ftit. Sfortunatament, illum, ħdax-il sena wara huwa ċar iktar minn qatt qabel kemm l-eżerċzzju ta’ razzjonalizzazzjoni injora lill-komunitajiet residenzjali tagħna madwar il-pajjiż kollu biex jaġevola lill-ispekulaturi.

Meta l-Parlament approva li meded kbar ta’ art barra miż-żona tal-iżvilupp isiru żviluppabbli kien jaf li ma kien sar l-ebda studju biex ikunu mkejla l-impatti kumulattivi li rriżultaw minn din id-deċiżjoni. Bħala riżultat ta’ dan, l-impatti tat-traffiku, l-kwalitá tal-arja, l-għargħar, id-dellijiet fuq bini diġa armat b’pannelli fotovoltajċi kif ukoll in-numru dejjem jiżdied ta’ propjetá vojta kienu fatturi injorati kompletament meta l-Parlament iddeċieda li japprova l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni.

Sfortunatament, l-Awtoritá tal-Ippjanar, minkejja li kienet taf b’dan in-nuqqas baqgħet għaddejja u ma ppruvatx tagħmel tajjeb għan-nuqqas tal-Parlament.

Sadanittant, fil-Parlament, il-Ministru Ian Borg huwa u jwieġeb għall-kritika ta’ din id-deċiżjoni tal-Awtoritá tal-Ippjanar ipponta subgħajh lejn l-Opposizzjoni. Imma dan mhux biżżejjed għax anke l-Partit Laburista wara 4 snin fil-Gvern ma għamel xejn dwar dan kollu.

Bosta minna niftakru li meta l-Partit Laburista kien fl-Opposizzjoni, fil-Parlament, kien ivvota kontra dan l-eserċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni. Dan iwassal għall-mistoqsija inevitabbli dwar jekk il-Partit Laburista bidilx fehmtu. Għax ħlief għal ftit kummenti waqt il-kampanja elettorali l-Partit Laburista qatt ma qal xejn dwar dan kollu. Dan x’jfisser? Għandna ninterpretaw in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Partit Laburista fil-Gvern bħala qbil mal-ezerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni?

Sa fejn naf jiena, Alternattiva Demokratika biss indirizzat dan kollu waqt il-kampanja elettorali li għadha kif intemmet. Dan billi pproponiet li dawn it-tip ta’ permessi m’għandhomx joħorġu f’dawk il-lokalitajiet fejn hemm numru konsiderevoli ta’ propjetajiet residenzjali vakanti.

Jidher imma li l-partiti fil-parlament issa bidlu ir-rwol tagħhom. David Agius hu l-eżempju ovvju: meta l-partit tiegħu kien fil-Gvern jappoġġa l-ispekulazzjoni, u issa li qiegħed fl-Opposizzjoni taparsi jappoġġa lir-residenti.

ippubblikat fl-Illum il-Ħadd  9 ta’ Lulju 2017

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s