Inxammru l-kmiem

 

 

Issa huwa żżmien li ngħarblu l-ħidma tal-partiti politiċi u nħejju għall-futur, btibdil kbir jew żgħir, skond dak li jirriżulta meħtieġ.

Il-Partit Laburista qiegħed fil-proċess li jagħżel suċċessur għal Louis Grech filwaqt li l-PN beda t-triq għal tibdila oħra li tista tkun waħda sostanzjali.

Mhux il-ħsieb tiegħi li nikkummenta dwar dawn l-għażliet li għandhom quddiemhom il-PN u l-PL. Għandi biżżejjed biex inħabbel rasi, għax bla dubju, Alternattiva Demokratika ukoll teħtieġ li tifhem sewwa dak li ġara u tieħu passi radikali dwaru.

Kif diġa kelli l-opportunitá li nikteb, ir-riżultat li kisbet AD kien mistenni wara li AD ma waslitx għal ftehim dwar koalizzjoni mal-PN. Għal AD kienet għażla, fil-fehma tiegħi iebsa, imma kienet ukoll għażla neċessarja. Ma kienitx deċiżjoni kontra koalizzjoni imma kontra l-forma tal-koalizzjoni li essenzjalment kienet waħda li tibla l-identitá tal-partiti li jiffurmaw il-koalizzjoni u (tal-inqas għall-elezzjoni) tippreżenthom bħala parti integrali mill-Partit Nazzjonalista, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tiegħu.

Filwaqt li nifhem ir-raġunament ta min ġenwinament xtaq li AD tkun tifforma parti mill-koalizzjoni kontra l-korruzzjoni, għadni ftit li xejn ma smajt jew qrajt reazzjonijiet ta dawk li fehmu jew ta l-inqas apprezzzaw ir-raġunament ta Alternattiva Demokratika li ma tissieħibx.

Kien hemm waqtiet li ħsibt illi li kieku kien hemm iktar żmien, wieħed seta jasal. Imma fir-realtá qatt ma stajna naslu għax il-PN ġenwinament ma kienx fposizzjoni li jippreżenta l-kandidati tiegħu taħt isem jew emblema differenti minn dik tas-soltu. Allura, l-loġika ukoll kellha twassal biex anke a bażi ta dan biss wieħed jifhem il-posizzjoni li ħadet AD.

Ilna s-snin nitkellmu favur il-ħtieġa ta koalizzjoni (jew alleanza pre-elettorali) u mhux ser nieqfu issa.

Imma dan kollu jwassal ukoll għal konsiderazzjoni oħra ta natura iktar fondamentali.

Kemm hu addattat il-mod li bih taħdem AD illum, bla presenza lokali jew reġjonali? Ximpatt għandu dan fuq l-effettivitá ta AD  bmod partikolari meta dan inqabbluh mal-presenza kontinwa tal-PN u l-PL fil-lokalitajiet kollha?

Ilni snin nargumenta, internament fAD, li din hi l-isfida ewlenija għal Alternattiva Demokratika. Għax filwaqt li ċċarezza tal-ħsieb u l-viżjoni politika hi essenzjali għal kull partit politiku hi daqstant meħtieġa organizzazzjoni li tista tittraduċi l-ħsieb fazzjoni politika konkreta. Kultant naraw partiti politiċi bmagna organizzattiva impressjonanti imma mingħajr ċarezza fil-ħsieb u fil-viżjoni. Fil-każ ta AD id-diffikulta hi bil-maqlub. Hemm ideat u viżjoni ċara imma hemm nuqqas ta l-għodda organizzattivi biex dawn l-ideat jagħtu frott politiku adegwat.

Din mhiex problema li ħoloqha Arnold Cassola. L-anqas ma ħoloqha Michael Briguglio qablu. Ilha magħna sa minn meta twaqqfet AD fl-1989. Ovvjament hi responsabbilta kollettiva ta kulħadd li ma żviluppajniex din l-għodda organizzattiva neċessarja tul is-snin. Jiena ma naqbilx ma min iwaħħal fis-sistema elettorali għan-nuqqas ta AD li jkollha riżultati elettorali posittivi. Mhux faċli, imma mhuwiex gravi daqskemm jgħidu!

Din hi l-isfida li għandha quddiema AD illum. Uċuħ ġodda dejjem tajniehom merħba u nibqgħu nagħtuhom. L-isfida quddiemna hi li nkunu preparati daqs l-avversarji politiċi tagħna.

L-ebda tim tal-futbol ma jinżel jilgħab logħba bil-flipflop, l-anqas dawk fl-iktar diviżjoni inferjuri. Jaf kemm jaf il-logħba, imħejji kemm hu imħejji, biex tim ikollu ċans sportiv jeħtieġlu l-preparazzjoni teknika u l-appoġġ amministrattiv daqs l-avversarji tiegħu. Biex dan ikun possibli jeħtieġ impenn mhux biss mit-tim imma ukoll minn dawk kollha li jappoġġawh.

Fdawn il-ġranet fAlternattiva Demokratika qed niddiskutu dan kollu. Arnold Cassola infurmana li hu ma xtaqx ikompli jmexxi u allura huwa neċessarju li jkollna tmexxija ġdida.

Filwaqt li nieħu din l-opportunitá nirringrazzja lill-Arnold għall-ħidma tiegħu tul dawn is-snin kollha huwa neċessarju li issa nikkonċentraw fuq il-ħidma neċessarja biex niftħu kapitlu ġdid. Kapitlu li jrid iżewweġ flimkien l-idejali mal-ħidma organizzattiva.

Jidher li l-piż għal dan ser inġorru jiena u għaldaqstant hu l-mument li nitlob l-għajnuna ta dawk kollha li jissimpatizzaw ma’ Alternattiva Demokratika.   Hu l-mument li nxammru l-kmiem.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s