Il-futur ta’ Alternattiva Demokratika

It-tnaqqis tal-voti li Alternattiva Demokratika kisbet fl-elezzjoni ġenerali ta’ tmiem il-ġimgħa l-oħra minn 1.8% għal 0.83% tal-voti totali kienet bla dubju daqqa kbira. Imma kienet daqqa antiċipata u direttament marbut mar-rifjut ta’ Alternattiva Demokratika li tipparteċipa fil-Front Nazzjonali mmexxi mill-Partit Nazzjonalista.

Mhux l-ewwel darba li Alternattiva Demokratika qalgħet dawn id-daqqiet. Ħarsu, per eżempju, lejn l-elezzjoni ġenerali tal-2003. Dakinnhar, id-daqqa kienet ikbar, għax il-vot mixħut favur Alternattiva Demokratika kien niżel sal-livell ta’ 0.69% tal-voti totali, l-agħar riżultat fit-28 sena storja ta’ Alternattiva Demokratika. Imma fi żmien sena dan reġa’ tela għal 9.33% tal-vot popolari fl-elezzjonijiet tal-2004 għall-Parlament Ewropew.

Tul is-snin Alternattiva Demokratika qatt ma organizzat ruħha fuq livell lokali jew reġjonali. Dan minħabba nuqqas ta’ voluntiera imma ukoll minħabba allerġija tat-tmexxija għal kull xorta ta’ burokrazija (anke dik l-iktar minima) kif ukoll minħabba l-profil tal-votant tipiku ta’ AD. Dan hu difett f’Alternattiva Demokratika li ilu preżenti sa minn meta twaqqfet liema difett qatt ma ngħata l-attenzjoni mistħoqqha.

Fil-fehma tiegħi, dan hu l-kawża ewlenija għan-nuqqas ta’ kapaċitá ta’ Alternattiva Demokratika li tilqa’ għall-attakki diretti mmirati lejn il-votanti tagħha. Hi ukoll ir-raġuni għala AD ma rnexxieliex, tul is-snin, tapprofitta ruħha daqstant miċ-ċaqlieq ta’ votanti minn partit għall-ieħor.

Huwa tajjeb li jkollok prinċipji soddi, imma n-nuqqas ta’ presenza kontinwa u organizzata fil-lokalitajiet inaqqas l-interazzjoni mal-elettorat, liema interazzjoni teħtieġ li tkun waħda kontinwa biex tkun effettiva. Dan fisser li waqt li AD setgħet tieħu d-deċiżjoni politika dwar l-involviment jew le f’allejanza pre-elettorali ma kelliex il-kapaċitá organizzattiva biex tilqa’ għall-konsegwenzi.

Tajjeb li l-qarrej jiftakar li Alternattiva Demokratika kienet taqbel li titwaqqaf allejanza pre-elettorali wiesa’ kontra l-korruzzjoni u favur il-governanza tajba. Il-punt ta’ nuqqas ta’ qbil mal-proposta tal-PN kien li fil-fehma ta’ AD l-allejanza proposta kellha tkun distinta mil-partiti politiċi individwali li jiffurmawha. F’Alternattiva Demokratika konna inkwetati li l-proposta tal-PN biex AD tissieħeb mal-istess PN billi tifforma parti mill-istess lista elettorali inevitabilment kienet ser twassal għal diversi sitwazzjonijiet li ma kienux aċċettabbli: bħal posizzjonijiet dwar proposti politiċi inaċċettabbli kif ukoll il-presenza ta’ kandidati mhux aċċettabbli. Ir-riskju kien kbir wisq u ma konniex disposti li noħduh.

Sfortunatament iż-żmien tana raġun. Dan seħħ, per eżempju, meta l-PN approva li jippreżenta lill-kandidat omofobiku Josie Muscat. Seħħ ukoll bid-dikjarazzjonijiet politiċi kemm ta’ Marlene Farrugia kif ukoll ta’ Simon Busuttil favur il-kaċċa fir-rebbiegħa kif ukoll favur l-insib. Seħħ ukoll bil-posizzjonijiet kontradittorji dwar iċ-ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi kif ukoll bl-emfasi ta’ Simon Busuttil dwar il-mina proposta li tgħaqqad Malta u Għawdex. Posizzjonijiet politiċi li huma kollha inaċċettabbli għal Alternattiva Demokratika.

B’żieda ma dan, il-PN, naqas milli jindirizza l-kontradizzjonijiet interni fi ħadnu dwar il-governanza tajba. Dawn jinkludu n-nuqqas ta’ Claudio Grech li jiftakar x’laqgħat kellu ma George Farrugia dwar l-iskandlu taż-żejt, il-kaz ta’ Beppe Fenech Adami dwar in-nuqqas ta’ deċiżjoni għaqlija meta aċċetta li jkun direttur tal-kumpanija Capital One Investments Limited, il-kunflitt ta’ interess ta’ Mario de Marco dwar il-grupp kummerċjali db kif ukoll it-taħwida ta’ Simon Busuttil innifsu dwar l-invoices tal-grupp db u l-assoċjazzjoni tagħhom mal-iffinianzjar tal-PN innifsu.

Dan kollu, safejn hu magħruf, ma kellu l-ebda importanza għall-Partit Demokratiku imma għal Alternattiva Demokratika kien kollu ostaklu għall-formazzjoni ta’ alleanza pre-elettorali għax kien imur b’mod sfaċċat kontra l-proposti elettorali favur tmexxija tajba. Dawn il-materji semmejnihom waqt il-laqgħa esploratorja li kellna mal-PN imma id-delegazzjoni tal-PN ma wriet l-ebda interess: tbissmet u injorathom. Meta jkun meqjus dan kollu, id-deċiżjoni ta’ Alternattiva Demokratika li ma tissieħibx fil-Front Nazzjonali mmexxi mill-PN kienet waħda tajba u dan għax, kif spjegat iktar il-fuq, kienet toħloq bosta diffikultajiet u kontradizzjonijiet.

Matul ix-xhur li ġejjin nittama li jkun hemm it-tibdil meħtieg f’Alternattiva Demokratika biex din tiġġedded u tissaħħah. Huwa tibdil meħtieġ biex AD tkun iktar effettiva u tkun kapaċi tikkomunika mal-votanti aħjar is-sena kollha, u dan minkejja l-limitazzjoni li għandha ta’ riżorsi.

Ippubblikat minn Illum : il-Ħadd 11 ta’ Ġunju 2017

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s