L-ewwel nett grazzi lill-2563 persuna li għoġobhom jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-kandidati ppreżentati minn Alternattiva Demokratika.
Dan ifisser ukoll li AD naqqset it-total ta’ voti miksuba bi ftit iktar min-nofs. Riżultat li kien mistenni minħabba li f’taqbida elettorali qawwija, bħalma kienet din l-elezzjoni, uħud isibu lill-AD bħala target faċli. Din ġrat diversi drabi fl-istorja elettorali ta’ AD u fil-fatt minħabba f’hekk AD kisbet riżultati agħar minn hekk fil-passat.
Għal min qed jgħid li dan hu l-agħar riżultat li qatt kisbet l-AD, ninfurmah li dan mhux il-kaz. Dak inkiseb fl-2003 meta fil-klima inċerta dwar jekk Malta tissieħibx jew le fl-EU, AD kisbet 1929 voti fl-ewwel għadd.
Setgħet AD tikseb riżultat aħjar? U x’kien ikun il-prezz għal dan?
It-tweġiba għal din il-mistoqsija bażika hi li AD setgħet tikseb riżultat aħjar kieku aċċettat li tkun appendiċi tal-PN. Dan konna nafuh, imma ma konniex disposti li nħallsu l-prezz: għax il-prezz kien li narmu l-kredibilitá l-baħar, u dan ma konniex disposti li nagħmluh.
Ir-raġunijiet għaliex għażilna li ma nissieħbux mal-PN huma magħrufa, imma huma ukoll uħud mir-raġunijiet li jistgħu jagħtu spjegazzjoni għal dan ir-riżultat elettorali li għal uħud jidher stramb. Imma m’hu stramb xejn.
Uħud qed jgħidu li bir-rebħa massiċċa tal-Partit Laburista hemm rebħa għall-korruzzjoni u għan-nuqqas ta’ governanza tajba. Nissottometti li dan mhux il-kaz.
Kif għidna bħala Alternattiva Demokratika, l-argumenti tal-Partit Nazzjonalista, u tal-appendiċi tiegħu l-Partit Demokratiku, ma kienux kredibbli.
Kif tista’ titwemmen meta tiftaħ ħalqek kontra l-korruzzjoni, favur il-governanza tajba u kontra l-impatti ta’ kunflitti ta’ interess qawwija meta dan kollu madwarek tħallieh għaddej?
Il-PN u dawk li ħeġġew vot favur il-PN dan kollu injorawh u b’hekk ikontribwew għal dan ir-riżultat.
Għalkemm nixtieq li r-riżultat kien aħjar għal AD, pero jiena kburi li ħadd ma għaddieni biż–żmien.
Ir-riżultat għadu m’hux konkluż, għax l-impatti tiegħu għad jistgħu jkunu mitigati xi ftit mit-trasferimenti ta’ voti li ser ikun hemm matul il-bqija tal-għadd. Imma l-istorja bażika hi din li qed ngħidu.
Issa irridu nħarsu lejn il-futur. AD trid tindirizza dawk l-affarijiet li ilha tevita s-snin. Ma jistax ikun li partit politiku bħal AD ma jkunx organizzat aħjar biex ikun f’posizzjoni li jilħaq aħjar lill-eletturi. F’Alternattiva Demokratika hemm allerġija għall-ħidma organizzattiva, li tiqies minn uħud bħala burokrazija żejda. AD tista’ tkun iktar relevanti biss jekk tkun kapaċi li tagħmel dan il-pass li għalih kien hemm resistenza qawwija internament tul is-snin.
Dan ifisser organizzazzjoni iktar ħajja u viċin l-egħruq tas-soċjetá li fiha naħdmu.
Għax fl-aħħar mill-aħħar hu inutli li jkollok uħud mill-aħjar ideat jekk ma jkollokx il-kapaċita li twassalhom għand in-nies. Fl-aħħar dan hu in-nuqqas ta’ AD, nuqqas li hu preżenti elezzjoni wara l-oħra u li s’issa ma ġiex indirizzat. AD dejjem kienet partit politiku b’ideat ċari, li mhux biss tipprietka l-etika fil-politika, imma tpoġġi dan fil-prattika. Huwa neċessarju issa li AD ma tibqax dgħajfa amministrattvament. Għax f’dawn iċ–ċirkustanzi l-ideat tajba u l-iġieba korretta mhux biżżejjed.