Meta tiġi biex tivvota, nhar is-Sibt, m’għandekx għalfejn tagħżel bejniethom.
Mhux importanti min hu l-iżjed jew l-inqas korrott.
Mhux importanti min hu l-iżjed jew l-inqas inkompetenti.
Mhux importanti min hu imċappas l-iktar jew l-inqas.
Mhux importanti min kellu jirreżenja, imma ma rreżenjax fuq iż–żewġ naħat.
Il-każ tal-Panama Papers u l-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri hu wieħed ta’ gravitá kbira. Daqskemm huma gravi l-allegazzjonijiet dwar is-sid ta’ Egrant Inc. u l-flus li waslu mingħand il-familja ta’ Aliyev fil-kontijiet fil-Bank Pilatus.
Mhux gravi ħafna ukoll il-fatt li Claudio Grech, l-Onorevoli tal-Partit Nazzjonalista nesa jekk qattx iltaqa’ ma George Farrugia, dak tal-iskandlu taż–żejt?
Mhux gravi ukoll kif Beppe Fenech Adami spiċċa Direttur tal-Capital One Investment Limited u ma kien jaf xejn dwar it-taħwid li qed jirriżulta dwar din l-istess kumpanija?
U xi ngħidu għar-rapporti tal-Awditur Ġenerali dwar il-qaddis miexi fl-art Jason Azzopardi?
U l-villa ODZ li Toni Bezzina ried jibni fl-istess ħin li kien qed jikteb il-politika ambjentali tal-PN?
It-tnejn jgħidu kif għandhom qalbhom ġunġliena għall-ambjent.
Imma t-tnejn iridu l-mina bejn Malta u Għawdex.
It-tnejn iridu l-korsa tat-tlielaq tal-karozzi.
It-tnejn jilgħaqu l-kaċċaturi u n-nassaba.
It-tnejn jappoġġaw il-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa (Armier, Little Armier u Torri l-Abjad).
X’hemm x’tagħżel bejniethom?
Wara kollox m’għandekx għalfejn tagħżel bejniethom!