Illum l-ambjent sar parti essenzjali mil-lingwaġġ politiku li jużaw il-partiti politiċi ta’ kuljum. Imma jekk dan hux kaz ta’ konvinzjoni jew konvenjenza, hu storja oħra.
L-ippjanar bl-addoċċ tal-użu tal-art tul is-snin flimkien mal-kaċċa irresponsabbli u insostenibbli kienu fuq quddiem fl-agenda ambjentali għal ftit taż-żmien mhux ħażin. Ġa ktibt b’mod estensiv dwar dan. Il-ħarsien tal-ambjent iżda, jfisser ħafna iktar minn hekk, avolja fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ pajjiżna kemm l-ippjanar għall-użu tal-art kif ukoll il-kaċċa ser jibqgħu fuq nett fl-aġenda ambjentali.
Żewġ oqsma li bla dubju ser ikunu fuq quddiem nett fl-aġenda ambjentali tal-pajjiż fix-xhur u s-snin li ġejjin huma l-kwalitá tal-arja u l-iskart li niġġeneraw. Materji li ilna nitkellmu dwarhom is-snin bħala oqsma kruċjali li għandhom impatt fuq il-kwalitá tal-ħajja.
Il-kwalitá tal-arja f’pajjiżna hi effettwata prinċipalment mill-emmissjonijiet tal-karozzi. Teħtieġ li tkun indirizzata permezz ta’ strateġija nazzjonali dwar it-trasport li tinkoraġixxi forom alternattivi ta’ aċċess sostenibbli bejn l-ibliet u l-irħula tagħna.
Il-metro li qed tiġi proposta ta’ min jikkunsidraha minkejja li s’issa għad ma hemmx dettalji biżżejjed dwar il-proposta nnifisha. Din il-proposta tal-metro, għandu jkun sottolinejat, tista’ tagħmel sens biss jekk tkun marbuta ma azzjoni simultanja li l-ewwel tnaqqas il-karozzi mit-toroq b’mod sostanzjali u li sussegwentement tassigura li fit-toroq tagħna jkun hemm biss karozzi li jaħdmu bl-elettriku.
Ma jagħmilx sens li tipproponi l-introduzzjoni ta’ metro u fl-istess ħin tibqa’ għaddej bi programm ta’ bini ta’ flyovers jew twessigħ ta’ toroq għax programm ta’ din ix-xorta filwaqt li jnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku b’mod temporanju jżid il-kapaċitá tal-istess toroq li jieħdu iktar traffiku u dan minn innifsu jwassal għal iktar konġestjoni tat-traffiku.
L-użu ikbar tar-rota tradizzjonali kif ukoll tal-pedelecs ukoll jagħti kontribut sostanzjali għal iktar mobilitá u anke għal kwalitá tal-ħajja aħjar. Imma dan jeħtieġ investiment sostanzjali fl-infrastruttura. Dan jinkludi mhux biss toroq aħjar għal dawk li jużaw ir-rota imma ukoll faċilitajiet ta’ showers fil-post tax-xogħol flimkien ma postijiet addattati fejn titqiegħed ir-rota fiż-żoni riżervati għall-parkeġġ.
Il-mezzi differenti ta’ trasport pubbliku għandhom ikunu imħeġġa biex jagħmlu użu minn sorsi nodfa ta’ enerġija. Dan jista’ jsir billi, pereżempju l-karozzi tal-linja eżistenti jkunu konvertiti biex jaħdmu bil-metan.
L-iskart li niġġeneraw huwa wġiegħ ta’ ras ambjentali kbira li fl-aħħar qed jingħata iktar attenzjoni. Presentement qed ikun indirizzat l-iskart organiku ġġenerat mill-qasam domestiku. Jekk dan l-iskop jintlaħaq dan jista’ jagħti riżultati tajbin għax l-iskart organiku jammonta għal madwar nofs l-iskart li niġġeneraw mid-djar tagħna. Imma hemm ħtieġa urġenti ukoll li l-awtoritajiet tat-turiżmu jiffukaw ftit attenzjoni fuq l-iskart organiku li jiġġeneraw ir-restoranti u faċilitajiet simili għax dan il-qasam kien traskurat għal ftit taż-żmien mhux ħażin.
Il-qasam tal-iskart jista’ jiġġenera ħafna impiegi ambjentali (green jobs) f’industrija tar-riċiklaġġ li għad tista’ tikber għax għandha potenzjal kbir. Din hi problema li kibret magħna tul is-snin minħabba traskuraġni: nistgħu bi ftit attenzjoni nittrasformawha f’opportunitá li mhux biss tissarraf fi kwalitá tal-ħajja aħjar imma ukoll f’ġid ekonomiku.
ippubblikat fl-Illum – 28 ta’ Mejju 2017