Ma nafx jekk hux tad-daħq inkella tal-biki.
Alternattiva Demokratika qed tkun ikkritikata minn uħud għax ma ftehmitx mal-PN. Oħrajn qed jikkritikawna anke għall-fatt li bdejna niddiskutu.
L-obbligu tagħna bħala partit politiku kien li neżaminaw dak li kien qed jintalab minna u nikkunsidraw jekk kellniex nieħdu posizzjoni.
Issa dak li konna mitluba nikkunsidraw konna ilna nafuh minn ħafna qabel il-laqgħa, għax dak li ftiehem il-PN mal-Partit ta’ Marlene Farrugia kien sostanzjalment magħruf. Allura l-analiżi tagħna għamilniha ferm qabel u morna ippreparati.
Ma qbilniex ma dak li kien qed jipproponi l-PN għax li tikkontesta fuq il-lista tal-PN, kif kien qed jitlob minna l-PN, bl-ebda mod ma seta’ jitqes bħala xi koalizzjoni. Allura ippreparajna proposta dettaljata dwar koalizzjoni li stajna niddiskutu. Konna ippreparati li niddiskutu u nsibu kompromessi dwar id-dettalji imma mhux dwar i-prinċipju : li koalizzjoni kellha tkun distinta mill-partiti li jiffurmawha.
Din il-proposta għamilniha għal tlett raġunijiet.
L-ewwel raġuni kienet li s-suċċess tal-koalizzjoni jiddependi fuq kemm tkun kapaċi tiġbed lejha Laburisti diżillużi. Lill-parti l-kbira ta’ dawn il-Partit Nazzjonalista jimbutthom. Għalhekk ipproponejna li l-koalizzjoni tkun organizzata b’mod differenti u b’isem li ma jimbuttakx.
It-tieni raġuni kienet li ridna niddistakkaw ruħna mill-imġieba passata, anke dik riċenti, tal-PN. Il-PN kellu u għad għandu r-responsabbiltá li jerfa’ s-slaleb tiegħu. Il-forma tal-koalizzjoni kellha tkun tali li tnaqqas il-possibilitá li b’xi mod nagħtu l-messaġġ li għalina xejn m’hu xejn.
It-tielet raġuni kienet li ridna nassiguraw ruħna li dak li stajna niftehmu dwaru kien ikun aċċettabbli għall-membri kif ukoll għalll-votanti tagħna. Konna nafu li qatt ma konna ser nogħġbu lil kulħadd. Għax hemm min riedna niftehmu akkost ta’ kollox u hemm min ma ried ftehim taħt l-ebda ċirkustanza. Żewġ posizzjonijiet estremi li t-tnejn kienu żbaljati.
It-triq li tipprova tiftiehem kienet diffiċli għax il-PN ukoll kellu r-raġunijiet (interni) tiegħu li jiġġustifikaw il-posizzjoni tiegħu. Konna nafu li l-qbil fil-PN dwar il-ftehim mal-Partit ta’ Marlene Farrugia ma kienx faċli biex jinkiseb. U dan dwar ftehim “one-sided” favur il-PN. Aħseb u ara meta tittratta dwar ftehim sostanzjalment differenti u bil-bosta iktar ikkumplikat.
Spiċċajna ma għamilna l-ebda ftehim għax ma baqax ħin. Għax naħseb li b’iktar ħin il-PN kien ikollu iktar ċans li jikkonsidra l-proposta ta’ AD u anke jekk wara li jkun ikkonsidra emendi, jasal biex jiftiehem.
Għax ir-raġuni ma tridx forza.
Kemm jiena kif ukoll sħabi konna nippreferu kieku wasalna, imma l-kundizzjonijiet tal-PN kienu impossibli li jistgħu jkunu aċċettati minn partit politiku li għandu l-minimu ta’ rispett lejh innifsu.
Ftehim serju jieħu ż–żmien biex tikkonkludieh u iktar u iktar ftehim ta’ din ix-xorta, li, tkun xi tkun il-forma tiegħu, ser ikun ikkritikat kemm minn persuni ġenwini kif ukoll minn oħrajn li m’humiex.
Jiena nifhem li bħalissa fuq il-media soċjali hawn ħafna esperti li qed jagħtuna l-pariri tagħhom dwar dak li messna għamilna. Jiena għandi tweġiba waħda biss: għamilna dak li emminna li kien l-aħjar fiċ–ċirkustanzi.