Hemm diversi li qed jiktbulna biex jistaqsu dwar x’inhi s-sitwazzjoni dwar il-possibilitá ta’ alleanza/koalizzjoni mal-PN fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Uħud huma iħawwdin minħabba informazzjoni u kummenti żbaljati li hemm min qed ixerred.
Biex inkun ċar ser nispjega fil-qosor:
1. Dak li qed jipproponi l-PN hu li l-ismijiet tal-kandidati kollha tal-koalizzjoni jidhru fuq il-lista PN, jiġifieri taħt il-maduma.
2. Għal uħud dan m’hu problema xejn.
3. Imma għal diversi, inkluż diversi minn dawk li sal-lum ivvutaw Labour u qed jikkunsidraw jivvutaw lill-koalizzjoni (partikolarment lill-AD u l-PD bħala membri tal-koalizzjoni) : taqbadhom ir-rogħda u rabja kbira meta jaraw il-maduma tal-PN quddiemhom u qatt m’huma ser jaslu biex jivvutaw kandidat li ismu jkun fil-lista tal-PN. Dan in-numru ta’ votanti qed jikber bil-minuti.
4. Dan ifisser li jistgħu jintilfu ħafna voti ta’ persuni li lesti jivvutaw lill-koalizzjoni imma ma jridux imissu mal-PN.
Huwa għalhekk li Alternattiva Demokratika qed tinsisti li l-koalizzjoni tkun organizzata b’mod differenti, taħt isem ieħor. Dan la hu kapriċċ u l-anqas tfettieq. U dan apparti diversi argumenti oħra.
Sfortunatament s’issa l-PN ma jridx jiċċaqlaq u wisq nibża’ li hemm resistenza kbira għal dan. Ikun tajjeb jekk tħabbtu fuq il-bieb tal-Partit Nazzjonalista u tgħidulu jiċċaqlaq mingħajr iktar dewmien.