Kif ħabbar il-Malta Today dal-għodu, l-Partit Nazzjonalista talab biex jiltaqa’ ma’ Alternattiva Demokratika bl-iskop li jkun identifikat jekk hux possibli li jkun hemm xi forma ta’ kooperazzjoni bejn iż–żewġ partiti, u dan fid-dawl tal-qagħda politika preżenti.
Qatt m’hu ħażin li titkellem, anke jekk ma daqqa t’għajn jidhru li hemm differenzi mhux żgħar.
Kif anke ġie kkwotat Mario de Marco mill-Malta Today, il-kooperazzjoni li jrid il-PN hi dwar il-lista elettorali! Il-PN diġa kważi wasal għal ftehim mal-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia biex possibilment il-kandidati ta’ dak il-partit jdhru fil-lista elettorali taħt l-isem tal-Partit Nazzjonalista. Il-PN u l-PD, dan l-eżerċizzju qed isejħulu koalizzjoni.
Fil-fehma tiegħi dan hu kollox barra koalizzjoni.
Alternattiva Demokratika sejra għal-laqgħa mal-PN b’moħħ miftuħ, bla preġudizzji imma b’ideat ċari kif diġa kelli l-opportunita li nispjega fuq dan il-blog matul il-ġimgħat li għaddew.
Il-bierah, tard fil-għaxija, f’diskussjoni fuq it-telefon li kelli ma Karol Aquilina, President tal-Kunsill Amministrattv, Mario de Marco Viċi Kap tal-PN u Simon Busuttil innifsu, ftehmna li l-laqgħa esploratorja bejn l-AD u l-PN issir nhar il-Ġimgħa li ġejja.
Ta’ Alternattiva Demokratika sejrin għal din il-laqgħa b’rieda tajba, lesti li nagħtu l-kontribut tagħna biex jinbnew il-pontijiet. Imma l-ewwel irridu naċċertaw ruħna li l-pedamenti huma addattati.