Pilatu fid-dawl tax-xemx

L-istorja dwar Egrant Inc. ilha sena fl-aħbarijiet. Ilha tinħema 4 snin minn ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 meta twaqqfet flimkien ma kumpaniji oħra.

L-ewwel kellna lil Konrad Mizzi bil-kumpanija tiegħu Hearnville Inc.. Ftit wara Keith Schembri bil-Kumpanija tiegħu Tillgate Inc.. Ħin minnhom daħal fl-istorja Adrian Hillmann tat-Times of Malta ma kumpaniji oħra fil-Panama u fpostijiet oħra. Hillmann kien l-uniku wieħed sissa li irriżenja (jew ġie mġiegħel jirriżenja).

L-istorja, kif bla dubju tiftakru, saret waħda pubblika wara li nkixfu l-Panama Papers. Miljuni ta dokumenti sigrieti dwar diversi kumpaniji imwaqqfa minn persuni pubbliċi u privati madwar id-dinja kollha ma baqawx iktar sigrieti. Inkixfu u tperrċu mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Il-qalba tal-problema mhiex il-ħolqien tal-kumpaniji imma l-iskop li għalih dawn jitwaqqfu. Kumpaniji sigrieti, kif għidt fartiklu ieħor ma jinħolqux biex fihom jitfaddlu d-domni jew is-santi. Dawn il-kumpaniji jitwaqqfu biex fihom jinħbew flejjes u assi oħra min għajnejn l-awtoritajiet. Dan il-ħabi jsir għal żewġ raġunijiet : biex ikun evitat il-ħlas tat-taxxi, u/jew biex jinħeba l-frott tal-korruzzjoni.

Iddur kif iddur, il-politiku u dawk ta madwaru qatt ma jistgħu jiġġustifikaw il-ħolqien ta dawn il-kumpaniji. Għax dawn ġeneralment  ifissru involviment fil-korruzzjoni inkella fl-evażjoni tat-taxxa. Għalhekk il-polemika.

Tnejn mill-kumpaniji ilna nafu ta min huma. Ta Konrad Mizzi u ta Keith Schembri. Inkixfu kmieni u kien għadu ma sar l-ebda użu minnhom, skond kif kien intqal dakinnhar. Kienet inkixfet korrispondenza dwar il-possibilitá ta ftuħ ta kontijiet ma diversi banek. Kien hemm diversi tweġibiet kompromettenti li, iżda, Konrad Mizzi u Keith Schembri dejjem ċaħdu li kellhom xjaqsmu magħhom jew inkella li kienu inħarġu fuq struzzjoniiet tagħhom. Ftit kienu twemmnu.

Il-polemika baqgħet għaddejja u l-attenzjoni ċċaqalqet lejn it-tielet kumpanija : Egrant Inc. Ta min kienet din?

Niftakru li imkien fil-Panama Papers ma kien hemm l-iċken informazzjoni dwar is-sid jew is-sidien ta Egrant Inc, għax kien intqal li din l-informazzjoni kienet ser tgħaddi bil-fomm fuq Skype. Il-messaġġ kien ċar, mill-ewwel, li l-probabbiltá kbira kienet li kien hemm xi persuna jew persuni importanti ħafna involuti. Importanti iktar minn Konrad Mizzi u Keith Schembri, jiġifieri.  Ma kienx hemm lok għall-immaġinazzjoni. L-ismijiet possibli kienu limitati ħafna u l-ismijiet probabbli kienu fuq fomm kulħadd!  In-nies ilhom jitkellmu dwarhom!

Nhar il-Ħamis infetaħ kapitlu ieħor. Fuq il-blog tagħha Daphne Caruana Galizia irreferiet għall- dokumenti li skonta qegħdin fis-safe tal-Pilatus Bank u li minnhom jirriżulta li l-kumpanija Egrant Inc hi ta Michelle Muscat u li din il-kumpanija irċeviet diversi flejjes mill-Azerbajġan, l-ikbar waħda minnhom somma ta $1.017 miljun li waslet mingħand bint Aliyev. Mil-livell ta dettall ippubblikat hu ċar li d-dokumenti interni tal-bank huma s-sors tal-istorja. Il-Ġimgħa fil-għaxija ġiet ippubblikata informazzjoni dwar ċertifikat taisħma fliema ċertifikat qed jingħad li l-kumpaniji Dubro Limited S.A. u Aliator S.A. għandhom fidejhom ishma tal-kumpanija Egrant u dan fisem is-Sinjura Michelle Muscat. Imma d-dokumenti infushom li minnhom qed ikun ikkwotat sissa għadhom mhumiex ippubblikati. Ma nafx għaliex.  Hemm bżonn li jinħarġu għad-dawl tax-xemx id-dokumenti kollha li fuqhom hi ibbażata l-istorja. Dan hu neċessarju għax dak li qed jingħad hu ikkontestat.

Għalkemm din l-istorja ilha tinħass ġejja, xorta meta ġiet tinħass iebsa ħafna. Hi ta gravitá kbira u tista tkun dak li  jispjega l-għaliex Konrad Mizzi u Keith Schembri ma tkeċċewx is-sena l-oħra meta ħarġet l-aħbar li kellkom il-kumpaniji sigrieti.

TaPilatus caħdu kollox, bħalma għamlu tan-Nexia BT u ovvjament Joseph u Michelle Muscat.

Bosta huma konvinti mill-veraċitá tal-istorja. Imma li tkun moralment konvint li l-istorja hi korretta mhux biżżejjed. Din l-istorja teħtieġ il-konferma li tiġi mill-provi tad-dokumenti u mhux mid-dimostrazzjonijiet. Għax fuq id-dokumenti hi mibnija. Allura hemm obbligu li dawn id-dokumenti tant bażiċi jaraw id-dawl tax-xemx.

Ippubblikat fuq Illum : 23 t’April 2017

 

 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s