Dal-għodu f’isem Alternattiva Demokratika ipprezentajt oġġezzjoni quddiem l-Awtoritá tal-Ippjanar kontra l-applikazzjoni PA 3072/17 li biha qed jintalab li 4 gaġeġ tat-tonn jiċċaqalqu minn Kemmuna għas-Sikka l-Bajda, faċċata ta’ San Pawl il-Baħar.
Din l-applikazzjoni qed issir meta s’issa għadha ma ġiet stabilita l-ebda żona għall-akwakultura fl-inħawi u dan minħabba li suppost illi l-istudji għadhom għaddejjin!
Biex tgħaxxaqha l-post fejn qed jiġi propost biex jitqegħdu l-gaġeġ fis-Sikka l-Bajda huma eżatt fuq żona sensittiva ekoloġikament. Dan minbarra l-fdalijiet mill-għalf tat-tonn li l-kurrent ikaxkar dritt għal go San Pawl il-Baħar u Buġibba.
Ħaġa tal-iskantament kif fis-Sikka l-Bajda ukoll, ftit il-bogħod diġa hemm 8 gaġeġ oħra tat-tonn li suppost li l-operaturi intrabtu mal-Awtoritá tal-Ippjanar li kellhom ineħħuhom sal-aħħar ta’ Mejju 2017.
Mela issa minflok ma jneħħuhom ser jippruvaw iżiduhom!
B’min jaħsbu li qed jgħaddu ż–żmien?
Sfortunatament, barra mill-operaturi, hemm ukoll il-PA u l-ERA li qed jghadduna biz-zmien.