L-istorja dwar il-Bank ta’ Pilatu jidher li hi ħafna iktar kumplessa milli naħsbu. L-informazzjoni ħierġa ftit ftit u nimmaġina li hemm ħafna iktar x’toħroġ, apparti l-ħafna li qatt m’hu ser jara d-dawl tax-xemx.
Tgħallimna li Pilatu ħasel idejh.
Il-Bank ta’ Pilatu wasal sa hawn għax kien hawn min ħasel idejh u ħeles mis-serjetá. Il-Bank m’hux ser jagħti informazzjoni pubblika dwar il-klijenti tiegħu. Imma anke l-iktar ħarsa ħafifa lejn il-lista żgħira tal-klijenti tal-bank magħrufa s’issa twassal inevitabilment għal xokk kbir.
Qed jingħad li l-bank hu effettivament il-Bank tal-Azerbaijġan, l-iktar pajjiż korrott fid-dinja. Possibli li l-Awtoritá dwar is-Servizzi Finanzjarji qatt ma kellha l-iċken suspett dwar dan? Anke l-fatt li Bank ta’ dan ix-xorta jingħata liċenzja, fiha innifisha tqanqal suspetti kbar li t-tmexxija tal-Awtoritá dwar is-Servizzi Finanzjarji ma tafx x’inhi tagħmel, jew, agħar minn hekk taf iżżejjed x’inhi tagħmel.
Ilkoll niftakru l-kritika qawwija li kien hemm minn Evarist Bartolo dwar iċ-Chairman tal-Awtoritá għas-Servizzi Finanzjarji l-Professur J. Bannister xi xhur ilu. Illum wieħed jifhem ftit iktar għalfejn kien iddefendieh ħafna l-Onor Prim Ministru liċ-Chairman.
Dan kollu isaħħah l-argument li bosta ilhom jagħmlu, li l-kawża tal-problemi kollha tagħna huma l-istituzzjonijiet f’Malta li huma kompromessi: kemm bil-mod li jinħatru kif ukoll bil-persuni li jinħatru biex imexxuhom.
Għax f’Malta ħafna affarijiet jiddependu fuq li Pilatu jaħsel idejh. Għax jekk u meta Pilatu ma jaħsilx idejh, iżda jiddeċiedi li jagħmel xogħolu, jibdew il-problemi għal ħafna nies.
Dal-għodu daħal kumment anonimu dwar dan il-blogpost li mhux ser nippubblika għax hu libelluz.