Durumblat hu (jew kien) isem ta’ qasam art bejn il-Mosta u Ta’ Vnezja li jibqa’ tiegħla lejn l-Imdina. Il-kelma Durumblat, jgħidilna Erin Serracino-Inglott fil-kapulavur tiegħu Il-Miklem Malti “trid tfisser ħotba fil-blat.”
Imma din il-ħotba fil-blat ftit għadha tidher bil-bini sfrenat li tela’ tul is-snin.
Issa fl-aħħar forsi ser nieqfu biex naħsbu ftit dwar x’inhu jiġri. Id-deċiżjoni tal-bieraħ tal-Awtorità tal-Ippjanar li tirrifjuta l-applikazzjoni biex art fil-periferija tal-Mosta tkun żviluppata b’mod intensiv toffri tama li s-sens komun fl-ippjanar għall-użu tal-art f’pajjiżna għadu ma intilifx għal kollox. L-applikazzjoni PC 039/09 kienet biex ikun determinat x’tip ta’ żvilupp hu permissibbli fuq art tal-qies ta’ 38,600 metru kwadru ħdejn it-Torri Cumbo l-Mosta.
Il-bierah jiena kont preżenti għas-seduta tal- Awtoritá u f’isem residenti fl-inħawi tkellimt kontra din l-applikazzjoni. Fissirt kif l-iżvilupp propost hu wieħed massiv u li kien neċessarju li jkun magħruf, permezz ta’ studji apposta, x’inhu l-impatt, mhux biss ta’ dan l-iżvilupp iżda ukoll fuq l-impatt kumulattiv. Jiġifieri meta tqis kemm l-impatt tal-bini eżistenti u żżid miegħu l-impatt tal-bini ġdid propost.
Jiena konxju li l-istorja mhux ser tieqaf hawn. Id-deċiżjoni żbaljata favur l-iżvilupp ilha li ttieħdet sa mill-2006 meta l-Parlament iddeċieda li madwar żewġ miljun metru kwadru ta’ art fil-periferija tal-ibliet u l-irħula tagħna jingħataw għall-iżvilupp. Dakinnhar kienu qalu li dan kien eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni. Imma jiddispjaċini ngħid li hu kollox barra razzjonali!
Huwa neċessarju li qabel ma din l-applikazzjoni tkun ikkunsidrata mill-ġdid, kif inevitabilment ser jiġri, ikun ikkunsidrat bir-reqqa l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali ta’ dan l-iżvilupp massiċċ. Hemm ħtieġa li jsiru l-istudji neċessarji li jikkwantifikaw dan l-impatt kif ukoll li jkunu identifikati miżuri ta’ mitigazzjoni.
Fost oħrajn għandna niftakru li l-aħħar ċensiment li sar fl-2011 kien żvela li minn 8359 residenza fil-Mosta, 16.2% kienu vakanti u 3.2% oħra kienu użati okkazjonalment. Dan waħdu diġa huwa raġuni valida biżżejjed li minħabba fiha dan it-tip ta’ żvilupp għandu jkun skoraġġit.
Għandu jkun ikkunsidrat ukoll li għall-futur, il-kunsiderazzjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ din ix-xorta għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri innovattivi ta’ ħarsien ambjentali fosthom l-obbligu tal-ġenerazzjoni ta’ elettriku mix-xemx b’tali mod li kull waħda mill-units reżidenzjali permessi tkun carbon neutral.
Din id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, hi lezzjoni għall-Gvern u l-Oppożizzjoni: wasal iż–żmien li d-deċiżjoni stupida li kien ħa l-Parlament fl-2006 tkun reveduta. Mhux biss dwar l-art fil-Mosta iżda dwar kull wieħed miż–żewġ miljuni metru kwadru li dakinnhar ingħataw għall-iżvilupp.
Alternattiva Demokratika hi kburija li tul dawn l-aħħar ħdax-il sena ma waqfitx titkellem fuq din il-materja u tistieden lill-Gvern u l-Oppożizzjoni biex jiftħu għajnejhom u jingħaqdu magħha biex din id-deċiżjoni ħażina tal-Parliament fl-2006 tkun indirizzata.
Well done Carmel and others, for stopping this senseless waste of beautiful land to build more empty flats!
I am Maltese, but live overseas, and am lucky to live in a country (New Zealand) with as much land as the UK, but only 4m people! We have more land than we could ever use. Yet, we have very strict rules about converting any green land into residential with very strict environmental impact studies required…we need to protect the country for future generations.
Malta is so small, beautiful and perilously close to being environmentally and ecologically ruined through the indiscriminate use of concrete!!
I wish someone in Government and Local Councils woke up and looked into the future.