F’intervista dal-għodu, ippubblikata fuq Illum, Michael Briguglio qalilna li Alternattiva Demokratika għandha tikkonsidra koalizzjoni mal-PN u mal-PD.
Huwa importanti li Briguglio ma jkunx interpretat ħażin. Ma qalx li għandu jkun hemm koalizzjoni. Imma li din għandha tkun ikkunsidrata.
Il-ħsieb ta’ Michael Briguglio hu wieħed ġenwin. Qed jżviluppa l-argument li s-saħħa tan-numri wieħed m’għandux jinjorha.
Imma hemm ħafna konsiderazzjonijiet oħra li għandhom isiru.
L-ewwel nett għandu jingħad li koalizzjoni ma tistax u m’għandiex issir a kwalunkwe kost.
Fiċ–ċirkustanzi preżenti, ma jagħmilx sens li Alternattiva Demokratika tiċċappas mal-PN. Ta’l-inqas hemm il-ħtieġa li jkun ikkjarifikat it-taħwid li qed jirriżulta dwar il-finanzjament tal-PN minn Silvio Debono, u possibilment minn oħrajn ukoll. Dan apparti ħafna inkonsistenzi oħra kemm dwar l-imġieba ta’ uħud fil-PN kif ukoll (inkonsistenzi) fil-politika tiegħu.
Dwar il-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia dawn kienu bdew jiddiskutu koalizzjoni mal-PN. Marlene tkellmet f’dimostrazzjoni tal-PN u tat il-messaġġ li diġa qegħda fl-ixkora. Tant li fil-gazzetti kienu ġiebu l-aħbar li n-negozjati kienu avvanzati. Imma riċentment qalu li dawn in-negozjati bil-kemm bdew! Ovvjament hemm min qed jistħi issa.
Koalizzjoni tirrikjedi ftehim fuq programm ta’ ħidma – programm elettorali. Kif tista’ AD, fiċ–ċirkustanzi preżenti tftiehem ma’ PN li hu imħawwad waħda sew?
Koalizzjoni, jekk issir bis-serjetá tieħu ħafna ħin u mhux ser issir fi ftit ħin lejliet l-elezzjoni. Hi process li jinbena ftit ftit u biċċa biċċa.
Trid koalizzjoni? It-tweġiba, ta’ l-inqas għalissa, hi, le grazzi. Jekk ikun għad baqa’ ħin naraw iktar tard meta jiċċaraw l-affarijiet.