Id-dikjarazzjoni ta’ Simon Busuttil dal-għodu li m’huwiex ser jittollera sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess bejn il-prattika professjonali tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti u r-responsabbiltajiet parlamentari tagħhom hi pass importanti l-quddiem.
Imma dan hu kollu dmugħ tal-kukkudrilli. Issa wara li nqabdu, qed ixerrdu d-dmugħ tad-dispjaċir. Għax inqabdu, u għall-ebda raġuni oħra.
Dan kien kollu antiċipabbli li jiġri. Min jaf kemm-il darba ġara u ħadd ma qal xejn għax ħadd ma nduna. Inkella kien hemm min ipprova jmewwet kollox bħalma ġara dwar s-sehem ta’ diversi viċin tal-PN li minkejja li tkellmu kontra l-bejgħ tal-passaporti kienu minn ta’ quddiem biex joffru s-servizzi tagħhom ta’ aġenti. Għax huma ukoll għandhom dritt jieklu, mhux hekk?
Ovvjament issa Simon Busuttil qiegħed jieħu passi “sodi” għax inqabad li kien laxk wisq fl-insistenza għal standards ta’ imġieba korretta fil-grupp parlamentari tiegħu.
Aħna f’Alternattiva Demokratika ilna nitkellmu dwar dan. Uħud minnhom, imma, qieshom mejtin bil-ġuħ.
Nibdew niċċaqalqu ftit meta naqblu li wasal iż–żmien li l-ebda membru tal-parlament ma jkun jista’ jagħmel xogħol ieħor ħlief dak tal-parlament. Spiċċa ż–żmien tal-parlament tad-dilettanti.
Li Mario de Marco mhux ser jibqa involut fil-kaz tal-Lukanda Hardrock ta’ Silvio Debono (u l-iżvilupp assoċjat magħha) hu pass il-quddiem, avolja ġie ħafna tard. Forsi fl-aħħar qed jagħrfu l-kitba fuq il-ħajt.