Il-Palazz tal-Girgenti: u d-dritt li tagħmel li trid (dejjem u kullimkien)

girgenti-palace

Dal-għodu flaqgħa li Alternattiva Demokratika kellha mal-Kummissarju Elettorali Ewlieni tlabnieh jinvestiga l-fatt li nhar is-Sibt 18 ta Frar 2017 il-Palazz tal-Girgenti intuża biex fih saret laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista. Dan, fil-fehma ta Alternattiva Demokratika jmur kontra l-liġi li tirregola l-Finanzjament tal-Partiti Politiċi u li tipprojibixxi li dan isir.

Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta Jannar 2016. Nisimgħu ħafna ftaħir kontinwu dwar kemm kienet pass il-quddiem, kif fil-fatt kienet. Imma l-Partit Laburista xorta ġie jaqa u jqum minnha għax uża propjetá pubblika għal attivitá ta partit u dan kontra dak li tippermetti l-liġi.

L-abbuż hu wieħed żgħir imma xorta jibqa abbuż. Huwa it-tip ta’ abbuż li tant drajnieh isir taħt imneħirna li ħafna ma jagħtux kaz. Anzi tilfu s-sens tan-normalita. Ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu hażin.

Fost il-kummenti elettroniċi li hemm jakkumpanjaw din l-aħbar f’xi gazzetti online kien hemm min qal : din rajtu, għax ma rajtux it-tieġ taiben Lawrence Gonzi fil-Palazz tal-Girgenti f’ Lulju 2011. Probabbilment li min ifittex isib bosta każi oħra ta ulied politiċi li użaw propjetá pubblika bħalma għamel iben Lawrence Gonzi. Dwar dan jiena qatt ma qbilt. Naħseb li hi użanza ħażina għax tagħti l-messaġġ żbaljat li l-politiku fis-setgħa għandu jedd assolut dwar l-użu tal-propjetá pubblika, li ċertament mhuwiex il-każ. Imma fl-2016 il-Partit Laburista fil-gvern qata’ linja : għal kulħadd, suppost.

Hemm differenza kbira minn żmien Lawrence Gonzi: dakinnhar ma kienx hemm liġi li tirregola dawn l-affarijiet. Illum hemm! U niftaħru biha ukoll!

Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi saret biex jinqatgħu l-abbużi żgħar u kbar. Jagħmilhom min jagħmilhom. Imma jidher li l-Partit Laburista jidhirlu li dawn ir-regoli japplikaw għal kulħadd minbarra għalih! Għax min jaħseb li hu bsaħħtu jibqa jidhirlu li għandu dritt li jagħmel li jrid: dejjem u kullimkien.

muscat-girgenti-tweet