Il-lingwaġġ politiku tal-lum donnu mar il-baħar. Ilu ftit li qabad din it-triq imma forsi din, issa, hi ftit iktar ovvja minn qatt qabel.
Matul din il-ġimgħa kelmiet li instemgħu spiss kienu ħalliel u giddieb. Ngħiduha kif inhi: jekk pajjiżna jrid jagħzel bejn ħalliel u giddieb huwa tassew veru miskin.
Kellu raġun Salvu meta kien qal li ma hemmx x’tagħżel bejn il-Labour u l-PN: qieshom l-istess. Għax daqqa jerda’ wieħed u daqqa jisraq l-ieħor.
Ikun tajjeb li għall-Parlament li jmiss la nagħżlu ħallelin u l-anqas giddibin.
Kellu raġun Salvu Mallia. Ħasra imma, li fil-mument li induna li kellu raġun donnu reġa’ bdielu!
Kif qal tant tajjeb Simon Busuttil, kieku Malta pajjiż normali l-Prim Ministru Joseph Muscat ilu li irreżenja. Għandu raġun. Imma jiena kieku jiena inżid ngħid li miegħu imisshom ilhom li irreżenjaw ukoll numru mhux żgħir mill-Ministri kif ukoll Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra.