Il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil ipprova jiddefendi ftit lill-Onorevoli Toni Bezzina.
Simon qalilna li l-Onorevoli Toni Bezzina ma għamel xejn ħażin meta ippreżenta l-applikazzjoni ta’ żvilupp biex anke hu jkollu villa ODZ. Applikazzjoni perfettament legali, skond il-policies tal-ippjanar, qalilna l-Kap tal-Opposizzjoni.
Li ma qalx Simon Busuttil hu li Toni Bezzina kien wieħed mill-awturi tad-dokument dwar il-politika ambjentali li l-Partit Nazzjonalista ippubblika ftit ilu intitolat A Better Quality of Life for You. F’dan id-dokument jgħidulna li fl-ODZ il-PN hu tal-fehma li ma jista’ jinbena xejn ħlief b’deċiżjoni tal-Parlament u dan biss jekk dan ikun fl-interess nazzjonali!
Meta tikteb dawn l-affarijiet (u iktar) li hemm fid-dokument ambjentali tal-PN u imbagħad tinjorhom mill-ewwel, ifisser li inti stess ma tkunx temmen fihom.
Il-mistoqsija li teħtieġ tweġiba hi dwar kemm nistgħu nemmnu dak li jgħid il-Partit Nazzjonalista meta huwa jaġixxi b’dan il-mod? Nistgħu nieħduh bis-serjetá?
Sfortunatament, dan ma jgħoddx biss għall-ambjent.