L-istorja fuq il-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia dwar l-allegata żjara tal-Ministru Chris Cardona u l-konsulent tiegħu f’burdell fil-Ġermanja ħadet żvolta ġdida.
Caruana Galizia tat informazzjoni dettaljata li tindika li qegħda f’kuntatt ma persuna jew persuni li raw dak li kitbet dwaru. Cardona u l-konsulent tiegħu jiċħdu u qed jgħidu li għandhom provi li fil-ħin li intqal li kienu fil-burdell kienu x’imkien ieħor.
Il-provi taż–żewġ naħat s’issa mhumiex magħrufa. Dettalji importanti li kull naħa qed tħalli għal iktar tard.
Issa imma jidher li qed tiżviluppa gwerra totali. Cardona u l-konsulent tiegħu ippreżentaw numru ta’ libelli kontra Daphne Caruana Galizia dwar dak li kitbet u talbu li sakemm jinqatgħu l-kawżi, id-danni li jistgħu jirbħu jekk jingħataw raġun għandhom ikunu iffriżati mill-kontijiet bankarji ta’ Caruana Galizia. Il-Qorti laqgħet it-talba bil-konsegwenza li ftit inqas minn €50,000 fil-kontijiet bankarji ta’ Caruana Galizia ġew iffriżati: jiġifieri dawn huma flejjes ta’ Caruana Galizia li l-Qorti ordnat li jridu jibqgħu fil-bank u ma jintmessux sakemm il-Qorti stess tordna mod ieħor.
Ma naħsibx li qatt ġara każ bħal dan li f’kawża ta’libell li għada fil-bidu jittieħdu dawn il-passi.
L-istorja miktuba minn Caruana Galizia hi qawwija b’lingwaġġ ċar. Bla dubju ħalliet effett kbir fuq l-opinjoni pubblika, iktar u iktar meta ġiet mirfuda mill-filmati u kummenti tar-rappurtaġġ ta’ Mario Frendo għal NetNews. Jekk Caruana Galizia hi f’posizzjoni li ġġib il-provi li diġa indikat li għandha diffiċli li nifhem kif tista’ titlef kull libell li ġie ippreżentat.
Huwa ċar li Cardona (u l-konsulent tiegħu) qed jipprova jagħti messaġġ ta’ saħħa billi jassoġġetta lil Caruana Galizia għal inkonvenjent sostanzjali bl-iffriżar tal-kontijiet bankarji tagħha. Filwaqt li legalment għandu dan id-dritt wisq naħseb li esaġera fir-reazzjoni tiegħu u probabbilment li fl-opinjoni pubblika dan ser jiswielu ta’ ħsara mhux żgħira. Għax għażel li jiġġieled kontra l-pinna bil-mannara.
Il-messaġġi miż–żewġ naħat huma ċari daqs il-kristall.
Caruana Galizia ma tibza’ minn ħadd. Ħalfet li ma jmejjilha ħadd u tagħmel sewwa li fejn hi konvinta tibqa’ għaddejja. Għandi kull rispett lejn din l-attitudni anke jekk mhux neċessarjament li naqbel ma kull ma tgħid jew kif fil-fatt tgħidu.
Cardona min-naħa l-oħra qiegħed f’morsa. Għax jekk dak li inkiteb ikun issostanzjat jista’ jżarma. Caruana Galizia kitbet diversi affarijiet dwaru inkluż id-drama li kienet żviluppat xi xhur ilu fl-Stable, stabbilment tax-xorb li jiffrekwenta Cardona.
Hi ġlieda bejn il-pinna qawwija u l-mannara tal-arroganza. Hi rifless tal-qagħda gravi li fiha qiegħed il-pajjiż.