Mela skond il-blogger Daphne Caruana Galizia xi ħadd fil-burdell FKK Acapulco f’Velbert il-Ġermanja, li kien jifhem bil-Malti, qed jgħid li sema raġel jesklama (bil-Malti) dwar id-daqs tal-warrani ta’ waħda mill-prostituti.
Dan qed jingħad li kellu wiċċ Che Guevara, tattoo mal-ġewnaħ ta’ spallejh. Mhux bħal Diego Armando Maradona li għandu t-tattoo ta’ Che Guevara fil-parti ta’ fuq ta’ driegħu.
Issa jiena ma nafx jekk l-Onorevoli Ministru Chris Cardona għandux it-tattoo ta’ Che Guevara mal-ġewnaħ ta’ spallejh. Ovvjament li jekk m’għandux dan it-tattoo ifisser li min qal li rah fil-burdell kien żbaljat!
Ikun ħafna konvinċenti iktar minn libel kieku Chris Cardona jurina l-ġewnaħ ta’ spallejh, għax jekk m’għandux l-ixbieha ta’ Che Guevara, kull min hu konvint li Cardona kien fil-burdell ikollu jibla kliemu.
Il-libelli li qal li ser jagħmel Cardona jistgħu jdumu is-snin. Imma spallejh jista’ jurihom għada fil-għodu billi jsejjaħ konferenza stampa u jinża’ l-qmis!
Imma jekk Cardona għandu dan it-tattoo, imbagħad iqumu iktar dubji dwar dak kollu li qed jgħid.
Ħasra li Salvu Balzan ma ġietux l-idea li jitlob lil Chris Cardona jinża’ l-qmis waqt Xtra ta’ nhar il-Ħamis fuq TVM. Kieku kien ikollu scoop tal-ostra!
Xtra ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma lejn l-ispallejn naħseb li jista’ jħares ftit!