Mela l-Allied Newspapers Limited u Adrian Hillman ftehmu. It-Times tgħidlna li laħqu ftehim u li bħala riżultat ta’ dan il-ftehim ġie fi tmiemu t-tilwim (u kawżi) li kien hemm bejniethom.
X’fih il-ftehim ma nafux għax din l-informazzjoni nżammet kunfidenzjali.
Dan il-ftehim waslu għalih wara diskussjonijiet fid-dawl tal-investigazzjoni li mexxa l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello u dan wara numru ta’ stejjer b’allegazzjonijiet gravi dwar l-istess Adrian Hillman, Keith il-Kasco Schembri kif ukoll il-kuntrattur Pierre Sladden.
Fl-istejjer kienu issemmew kumpaniji diversi li kien intqal li kienu ġew użati biex jaħbu attivitá illegali diversa.
X’irriżulta mill-investigazzjoni mhux magħruf għax il-kumpanija Allied Newspapers Limited s’issa żammet kollox mistur.
Ma naħsibx li hemm xi obbligu legali li l-Allied Newspapers Limited tippubblika r-rapport tal-inkjesta. Imma żgur li hemm obbligu ta’ xorta oħra: hu obbligu etiku. Għax kif tista’ l-Allied Newspapers Limited tkun kredibbli, mil-lum il-quddiem, meta permezz tal-gazzetti tagħha it-Times of Malta u s-Sunday Times of Malta jintalab aċċess għal informazzjoni minn sorsi tal-istat u anke minn sorsi oħra privati fil-kors tal-ġurnaliżmu investigattiv meta hi stess qed iżżomm mistur dak li irriżulta mill-investigazzjoni interna tagħha?
Il-pubbliku għandu dritt li jkun jaf dwar jekk irriżultax li kien hemm it-tixħim u l-korruzzjoni kif ukoll dwar jekk irriżultax jew le li kienet kompromessa l-linja editorjali tal-gazzetti li tippubblika l-Allied Newspapers Limited. Iċ–ċaħdiet ġenerali naħseb li ma jikkonvinċu lil ħadd.
Bla dubju l-Allied Newspapers Limited taħseb li bil-kunfidenzjalitá tista’ tipproteġi r-reputazzjoni tal-gazzetti tagħha. Wisq nibża’li dan mhux il-kaz.