L-attakki fuq Mario de Marco li qed jagħmlu uħud, flimkien mas-skiet ta’ dawk ta’ madwaru, kif ukoll in-nuqqas ta’ Simon Busuttil li jlissen kelma ta’ appoġġ bħala turija ta’ solidarjetá pubblika juri (għal min kien għadu ma ndunax) l-istat li fih jinsab il-Partit Nazzjonalista illum.
Kif diġa kelli l-opportunitá li nikkummenta fuq dan il-blog, huwa tajjeb li min hu fil-ħajja pubblika jagħti tagħrif bażiku dwar l-istat ta’ saħħtu. Għax il-pubbliku għandu dritt li jkun jaf.
Imma hemm limitu għal kollox.
Meta tapprofitta ruħek mill-fatt li persuna tinsab mal-art biex tipprova twarrabha min-nofs bid-daqqiet ta’ sieq tkun qed turi x’valuri għandek.
Minn ċerti nies ma kontx nistenna aħjar, u ż-żmien sfortunatament qed jagħtina raġun.