L-Iżvilupp Sostenibbli

Environment

Illum il-ġurnata, diversi jitkellmu dwar “sostenibilitá” u dwar “l-iżvilupp sostenibbli”. Sfortunatament, bosta drabi ma jkunux jafu x’inhuma jgħidu. Bħala riżultat jispiċċaw iwasslu messaġġi żbaljati.

Mela, ejja nibdew minn hawn. Meta nitkellmu dwar sostenibilitá inkunu qed nirriferu lejn dak li nagħmlu. Dan ikun sostenibbli kemm-il darba, d-deċiżjonijiet tagħna ma jippreġudikawx lil ġenerazzjonijiet futuri milli huma ukoll ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp sostenibbli hi t-triq li permezz tagħha nistgħu noqorbu u eventwalment naslu viċin li nkunu sostenibbli.

Fi ftit kliem is-sostenibilitá tħares fit-tul.

Dan kollu ma jikkonċernax biss l-ambjent. Imma jiġbor flimkien kemm il-politika ambjentali, kif ukoll dik ekonomika, il-politika soċjali kif ukoll il-politika kulturali. Ifisser li f’dak kollu li nagħmlu irridu nħarsu fit-tul u rridu nassiguraw li l-ħarsien ambjentali, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jimxu id f’id u b’rispett għall-kisbiet kulturali.

Dan iwassal għal numru ta’ konklużjonijiet loġiċi li jiffurmaw il-bażi tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli. Kienet Gro Harlem Brundtland, soċjal demokratika Norveġiża li serviet kemm bħala Prim Ministru kif ukoll bħala Ministru għall-Ambjent ta’ pajjiżha li fasslet it-triq meta fl-1987 mexxiet il-ħidma tal-Kummissjoni Dinjija għall-Ambjent u l-Iżvilupp tal-Ġnus Magħquda u ippreżentat ir-rapport intitolat Our Common Future.

B’mod prattiku, l-iżvilupp sostenibbli għandu jwassal għal deċiżjonijiet konkreti li permezz tagħhom, l-iżvilupp li jseħħ ikun wieħed li jirrispetta lin-nies, lin-natura u l-kultura. Fi ftit kliem, il-profitti li tiġġenera l-ekonomija ikunu ibbażati fuq kriterji etiċi. Kien għal din ir-raġuni li sa mis-snin disgħin, meta l-iżvilupp sostenibbli issemma l-ewwel darba fil-liġijiet Maltin, dan kien responsabbiltá diretta tal-Prim Ministru. Ta’ l-inqas fuq il-karta.

Għax il-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli tmiss l-oqsma kollha tal-ħajja pubblika u allura teħtieġ politiku ta’ esperjenza. Sfortunatament l-ebda wieħed mill-Prim Ministri li kellna s’issa ma mexxa hu f’dan il-qasam għax dejjem iddelegah lill-Ministru (jew lis-Segretarju Parlamentari) responsabbli għall-Ambjent. Dan hu żball għax il-Ministru responsabbli mill-Ambjent rari ħafna jkun f’posizzjoni li jagħti direzzjoni lill-Ministri l-oħra, li ngħiduha kif inhi, ftit li xejn ikollhom interess fl-iżvilupp sostenibbli.

B’eżempju forsi ninftehmu aħjar dwar kemm f’Malta, l-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli hi biss logħob bil-kliem.

Inħarsu ftit lejn l-infrastruttura tat-toroq tagħna, inkluż it-trasport pubbliku. B’mod mill-iktar ċar din mhiex sostenibbli u ilha hekk għal ħafna żmien.

Marbuta mal-infrastruttura tat-toroq hemm il-mobilitá u l-kwalitá tal-arja. Dan flimkien mal-konġestjoni tat-traffiku, l-impatti fuq is-saħħa prinċipalment minħabba l- kwalitá fqira tal-arja kif ukoll l-impatti fuq l-ekonomija tal-ħin moħli fi traffiku ma jispiċċa qatt.

F’Mejju 2014 l-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Universitá ta’ Malta kien ikkummissjonat mill-uffiċċju rappresentattiv tal-Unjoni Ewropeja f’Malta biex iħejji studju dwar l-impatti tat-traffiku f’Malta. Minn dan l-istudju, intitolat The External Costs of Passenger and Commercial Vehicles Use in Malta , jirriżulta li l-impatt tal-konġestjoni tat-traffiku hu stmat li hu ekwivalenti għal 1.7% tal-Prodott Gross Nazzjonali. Din l-istima tieħu konsiderazzjoni kemm tal-petrol/diesel kif ukoll tal-ħin li jinħela bħala riżultat tal-konġestjoni tat-traffiku. Hu stmat li f’Malta kull sewwieq, kull sena, jaħli medja ta’ 52 siegħa  wieqaf fit-traffiku.

L-istudju iżid jgħid li din l-istima tiżdied u tilħaq l-4% tal-Prodott Gross Nazzjonali jekk jittieħed ukoll konsiderazzjoni tal-inċidenti tat-traffiku, l-impatt tat-tniġġiz tal-arja, l-effett tat-tniġġiż mill-ħoss kif ukoll il-gassijiet serra. Għall-paragun, tajjeb li nirrealizzaw li t-tkabbir ekonomiku għas-sena 2017 huwa stmat li ser ikun ta’ 3.5% tal-Prodott Gross Nazzjonali.

Dan hu biss eżempju wieħed. Bħalu hemm bosta oħra.

Il-loġika tal-iżvilupp sostenibbli kellha inevitabilment twassal għal servizz effiċjenti ta’ transport pubbliku snin ilu bil-konsegwenza ta’ tnaqqis sostanzjali ta’ karozzi mit-toroq tagħna. Huwa dak li għandna nippretendu f’pajjiż żgħir bħal tagħna fejn kważi kullimkien qiegħed biss tefa’ ta’ ġebla ‘l-bogħod. Imma, kollox bil-maqlub!

Darba l-Kabinett kien approva Strateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli  ………….. imma sadanittant il-politika tat-trasport f’Malta għadha tinkoraġixxi iktar karozzi fit-toroq tagħna.

 ippubblikat fl-Illum : il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s