Solidarjetá staġjonali?

solidarity

Is-solidarjetá, bla dubju, hi waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ pajjiżna f’dan iż-żmien tas-sena. Dan hu tajjeb u ilu hekk għal żmien twil.

Din is-solidarjetá timmanifesta ruħha b’diversi modi, imma prinċipalment permezz tal-ġenerożitá, bosta drabi qawwija, favur kawżi ġusti. Matul dawn il-ġranet, isir ġbir sostanzjali għall-Community Chest Fund, għad-Dar tal-Providenza u anke għal diversi kawżi ġusti oħra. Hi solidarjetá staġjonali, solidarjetá għax-xahar tal-Milied.

Filwaqt li dan huwa kollu pożittiv, ikun tajjeb kieku naħsbu ftit kif nistgħu mmorru lil hin minn solidarjetá staġjonali, għal solidarjetá li tkun preżenti fl-istaġuni kollha. Għax filwaqt li hu tajjeb li fi żmien il-Milied nieqfu ftit u ndaħħlu jdejna fil-but biex inkunu ta’ għajnuna għal min għandu bżonnha, ikun floku iktar jekk nirrealizzaw li l-ħtieġa għall-għajnuna qegħda hemm fil-bqija tal-ġranet tas-sena ukoll. Għax is-sena fiha 364 jum ieħor, barra mill-Milied! U f’sena bħall-2016, ikun hemm ġurnata żejda ukoll.

Il-ħajja hi mgħaġġla. Fl-inħawi mibnijin b’mod intensiv f’dawn l-aħħar snin, naqas sewwa s-sens ta’ komunitá li kienet tinħass ferm iktar meta l-komunitajiet fl-ibliet u l-irħula tagħna kienu ħafna iżgħar milli huma illum. Fi blokki kbar ta’ flats, wieħed ħdejn l-ieħor, ħafna drabi qieshom gallinari tal-konkos, illum l-individwu jintilef fil-massa u mhux dejjem faċli li nindunaw b’dawk fostna li jkunu jeħtieġu l-għajnuna fil-mument li dawn ikunu jeħtiġuha. Ħafna drabi, lanqas ma huwa possibli li dawk li jmexxu s-servizzi li jipprovdi l-istat jindunaw mill-ewwel b’dawk li jkunu jeħtieġu l-għajnuna.

Il-Kunsilli Lokali jista’ jkollhom rwol importanti f’dan ir-rigward. Rwol li uħud minnhom, minkejja l-limitazzjoni ta’ riżorsi, diġa qed jippruvaw jiżviluppaw bil-mod. Mertu għal dan, huwa s-sens ta’ inizjattiva li għandhom uħud mill-kunsilliera lokali tagħna u l-imħabba tagħhom lejn lokalitajiet ħajjin li jagħtu kontribut siewi biex jissaħħu l-egħruq tal-komunitajiet tagħna . Għax il-politika soċjali, biex tkun mill-iktar effettiva, teħtieġ li tkun applikata l-iktar viċin possibli tal-egħruq tas-soċjetá. Hemmhekk, fejn il-biki jinstema’ mill-viċin u fejn l-uġiegħ jinħass sewwa.

Il-biki u l-krib ta’ min qiegħed ibati u l-uġiegħ tal-imġarrab ma jeżistux biss fil-ġranet tal-Milied. Jeżistu ukoll matul l-istaġuni l-oħra, meta l-parti l-kbira tagħna, inkunu għaddejjin bil-ħajja “normali”.

Anke f’dawk il-ġranet hemm ħtieġa tas-solidarjetá.   Għax l-ispirtu tal-Milied għandu japplika matul is-sena kollha.

Ippubblikat fuq Illum – Is-Sibt 24 ta’ Diċembru 2016

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s