Bħalissa għaddejja kompetizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista dwar min minnhom hu l-iktar maħmuġ.
Jekk tisma’ lill-kelliema tal-PN jitkellmu jkollok informazzjoni dettaljata dwar katalgu ta’ ħmieġ li bih hu mifni dan il-pajjiż. Inevitabilment, jekk tkun smajt lil tal-PN biss jitkellmu tikkonkludi kemm hu żventurat dan il-pajjiż!
Min-naħa l-oħra, wara li tkun smajt lil Owen Bonnici jew lil Deborah Schembri, bi qdusija kbira, jitkellmu dwar l-aħħar każ ta’ Jason Azzopardi, bil-fors li tibda titkellem waħdek u tibda tistaqsi bejnek u bejn ruħek jekk hux qed tisma’ sewwa. Għax, tgħid: dan Jason li qed jitkellmu dwaru mhux dak li jippontifika dwar il-korrettezza? Ara trid tkun vera wiċċek imdellek biex titkellem bħal Jason Azzopardi, joħroġ żewġ rapport dwarek l-Awditur Ġenerali u qiesu ma ġara xejn.
Min hu l-iktar maħmuġ? Tagħmel xi differenza dwar min hu l-iktar jew l-inqas maħmuġ? Għax għalija l-grad tad-differenza fil-ħmieġ bejniethom hu irrelevanti. It-tnejn maħmuġin u m’hemmx x’tagħżel bejniethom. Ma tistax tafda lil ħadd minnhom.
Jieħu għalih min irid.