L-istat tas-saħħa ta’ Keith Schembri

keith-schembri

 

 

Il-Prim Ministru, meta illum ltaqa mal-istampa, ikkummenta, bi tweġiba għal xi mistoqsijiet li sarulu, dwar l-istat tas-saħħa taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Qal li fil-waqt li qed jieħu l-kura mgħandu xejn gravi.

L-istat ta saħħa ta persuni fil-ħajja pubblika hi ta interess pubbliku u ma kienx għaqli li l-Prim Ministru dam ma ta informazzjoni dwar dan. Kien ikun ħafna aħjar kieku flok kumment lill-ġurnalisti inħareġ bulletin mediku fil-mument li nqala l-kaz.

Din mhiex materja ta kurżitá, iżda neċessitá fsoċjetá demokratika, li l-opinjoni pubblika għadha dritt li tkun infurmata dwarha. Għax l-istat ta saħħa ta dawk li jeżerċitaw il-poter jiddetermina ukoll kif dan l-istess poter ikun eżerċitat. Hekk jiġri fid-dinja demokratika kollha u aħna mgħandniex inkunu eċċezzjoni.

Il-fatt li qatt ma ħareġ bulletin mediku serva biex min ried juża din l-informazzjoni biex iweġġa bkitba barra minn lokha ingħata kull opportunitá biex jagħmel dan. Għax f’pajjiz żgħir bħala tagħna, inutli taħbi, għax dak li tipprova taħbi, f’qasir żmien, xorta jkun magħruf, anke jekk b’mod mgħawweġ

Filwaqt li nawgura li Keith Schembri jimxi fit-triq tal-fejqan, malajr, nittama li l-Gvern jieħu ttagħlima neċessarja u jekk sfortunatament jinqala kaz simili, jagħti l-informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.