It-Times online irrappurtat dwar rapport li l-Ministru Manwel Mallia qiegħed fuq il-mejda tal-Kamra wara talba li saret għal dan mill-Membru Parlamentari Anthony Agius Decelis. Rapport li ilna nafu bih xhur twal!
Huwa tajjeb, anzi tajjeb ħafna, li l-Parlament jistenbaħ għar-realtá ta’ madwarna. U din ir-realtá hi sempliċi ħafna. Mhux diffiċli biex tinftiehem.
Is-suċċess ekonomiku tal-Freeport, tgħid din ir-realtá, qed iħallsu għalih ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Għal ħafna snin ħadd ma kienet qiegħed jagħti kaz. Huwa tajjeb li fl-aħħar hemm min qiegħed jistenbaħ.
Imma waqt li l-Onorevoli Agius Delicata (u oħrajn) kien rieqed, ħaddieħor kien qiegħed jaħdem biex iktar persuni jirrealizzaw x’inhu jiġri. Għax ir-rapport dwar il-ħsejjes ma sarx waħdu. Sar għax il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa ħadem kemm felaħ ħalli l-Freeport jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.
L-isfida reali hi li l-Freeport iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet li fih dak ir-rapport! Hi triq twila u anke hemm naslu!