Huwa tajjeb li l-Qorti Kostituzzjonali, fuq talba tal-Partit Nazzjonalista, eżaminat l-iżbalji fl-għadd tal-voti fl-elezzjoni ġenerali tal-2013. Avolja damet ftit iżżejjed biex waslet għal konklużjoni.
Imma l-PN, wara li ngħata żewġ siġġijiet oħra, issa spiċċa biex ingħata kumpens doppju tal-voti li kiseb fl-elezzjoni ġenerali tal-2013. Għax filwaqt li issa ħa ż–żewġ siġġijiet ġodda il-PN baqa’ bl-4 siġġijiet kumpens li kien ħa fl-2013.
Sitwazzjoni li ma nistax ngħidilha farsa, għax tad-daħq mhiex.
Imma ċertament l-anqas ma nista’ insejħilha ġustizzja, għax hi deċiżjoni inġusta.
Sadanittant, il-PN fil-Gvern dejjem sab diffikulta biex jaċċetta li anke Alternattiva Demokratika għandha dritt għal rappresentanza proporzjonali. Għax il-5000 vot u fuqhom li kellha Alternattiva Demokratika fl-elezzjoni tal-2013 bla dubju kellhom jissarfu f’rappresentanza ferm iktar mill-pakkett ta’ 50 vot ta’ Claudette Buttigieg!