Konsultazzjoni pubblika farsa

cpd-external-emergency-plan

Bdiet il-konsultazzjoni pubblika dwar il-permess operazzjonali tal-power station f’Delimara. Dan il-permess huwa magħruf bħala IPPC permit. Dan għax ikun ipproċessat skond dak li tistabilixxi d-Direttiva tal-Unjoni Ewropeja imsejħa Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC).

Bħala parti minn dan il-proċess, ħarġu għall-informazzjoni ta’ kulħadd, 293 rapport ta’ qisien li jvarjaw. Uħud qosra u oħajn donnhom ma jispiċċaw qatt għax fihom mijiet ta’ paġni. Uħud b’linġwaġġ li jinftiehem malajr u oħrajn li trid iddum tomgħod biex tifhem.

Il-konsultazzjoni pubblika oriġinalment kienet intenzjonata li ddum 30 ġurnata, il-minimu meħtieġ skond il-liġi. Wara diversi protesti, dan il-perjodu żdied għal 40 ġurnata. Dan xorta m’huwiex biżżejjed, għax is-sens komun jgħidlek li l-perjodu ta’ konsultazzjoni għandu jkun twil skont kemm hemm informazzjoni xi tkun ikkunsidrata.

Meta t-tul ta’ żmien għall-konsultazzjoni pubblika ma jkunx proporzjonat mal-kwantità ta’ informazzjoni li teħtieġ illi tkun eżaminata, ma nistgħux ngħidu li din il-konsultazzjoni tkun qed issir bis-serjetà. Tkun qed issir għax bil-fors biex tonora l-kelma tal-liġi. Tkun konsultazzjoni taparsi.

Din hi s-sitwazzjoni li qed niffaċċjaw fil-każ tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-impjant tal-power station ta’ Delimara. Ir-rapporti ppubblikati, fil-parti l-kbira tagħhom jeħtieġu li jkunu eżaminati bir-reqqa biex inkunu nistgħu nifhmu dak li qiegħed ikun propost fihom. Fil-parti l-kbira tal-każi, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ilha x-xhur fil-pussess ta’ dawn ir-rapporti, inkluż uħud li forsi dehrilha li kellha tordna li jsirulhom xi tibdil jew inkella li kellhom jinkludu spjegazzjonijiet addizzjonali. L-awtorità taf kemm jirrikjedu żmien biex ikunu eżaminati dawn ir-rapporti, għax l-uffiċjali tagħha ilhom ix-xhur jeżaminawhom!

Hemm eċċezzjoni waħda għal dan kollu. Ir-rapport intitolat External Emergency Plan imħejji mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu parti minnu nieqsa. Fil-paġna 21 ta’ dan ir-rapport hemm it-titlu tas-sezzjoni : Section B Operational. Imbagħad fil-paġna immedjatament warajha hemm nota li tinfurmana illi l-kumplament tas-sezzjoni hi nieqsa minħabba illi kieku din l-informazzjoni kellha tkun ippubblikata, din il-pubblikazzjoni tkun ta’ theddida għas-siġurtà nazzjonali.

Din hi farsa. Hi nuqqas kbir ta’ serjetà. L-ewwel jimlewna bir-rapporti u ma jagħtuniex ħin biżżejjed biex naqrawhom, biex  mbagħad dwar dan ir-rapport jiċċensuraw ukoll il-kontenut.

Għalfejn poġġew dan ir-rapport għad-diskussjoni jekk il-parti l-iktar essenzjali għad-diskussjoni tneħħiet? F’soċjetà demokratika dan m’huwiex aċċettabbli. Bla ebda dubju hemm mod kif ikun possibli li tingħata informazzjoni biżżejjed u tkun tista’ issir konsultazzjoni pubblika bis-serjetà mingħajr ma issir ħsara lis-sigurtà nazzjonali.

Irridu naraw kif ser jiżviluppaw l-affarijiet għax huwa  meħtieġ serjetà  ħafna iktar minn hekk jekk irridu li l-konsultazzjoni pubblika ma tkunx farsa.

Ippubblikat fuq l-Illum : 30 t’Ottubru 2016

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s