Marlene u l-maduma

 marlene-farrugia-simon-busuttil

Rajt l-intervista ippubblikata illum ma Marlene Farrugia fuq l-Independent online.

Sfortunatament, Marlene tparla wisq u ħafna drabi tparla qabel ma tkun ħasbet biżżejjed. Dan iservi biex tkisser l-intenzjonijiet tajba kollha li jkun hemm, tagħha u ta’ dawk kollha madwarha. Għax tispiċċa tikkomettihom mingħajr ma jkunu għadhom fetħu ħalqhom.

Għandha kull dritt li tiddeċiedi li tikkontesta l-elezzjoni taħt l-umbrella tal-PN – jew kif ġiet rappurtata li “ma teskludix” li tikkontesta l-elezzjoni taħt il-maduma. Imma jkun ħafna interessanti kieku jkun magħruf jekk din hiex deċiżjoni tagħha inkella jekk hiex deċiżjoni tal-partit “tagħha”. 

Fil-passat riċenti Marlene kienet saħqet (ġustament) li l-ewwel kien meħtieġ li jkunu stabiliti l-parametri programmatiċi u kien biss wara dan il-pass li seta  jkun ikkunsidrat l-livell ta’ kooperazzjoni possibli. L-għaġġla li biha qed ikunu ikkomunikati d-deċiżjonijiet jindikaw li l-politika ewlenija tal-Partit Demokratiku hi l-impulsivitá. Din hi ħasra għax fil-bidu kien hemm il-potenzjal.

L-impulsivitá tfisser li l-muskoli tal-ħalq jgħaġġlu iktar mill-moħħ. It-tlablib isir bla ma jkun hemm il-ħsieb neċessarju. Dan inevitabilment iwassal għal żbalji tattiċi madornali li l-impatti tagħhom mhux la kemm tqum minnhom.