
Il-konġestjoni tat-traffiku f’pajjiżna sejra mill-ħażin għall-agħar.
It-twessiegħ tat-toroq, il-ftuħ ta’ toroq ġodda u l-kostruzzjoni ta’ flyovers ma huma ser isolvu xejn. Għax dawn kullma jagħmlu hu l-wisa’ għal iktar karozzi u jinkoraġixxu ż-żieda ta’ iktar karozzi fit-toroq tagħna għax joħolqulhom l-ispazju. B’hekk il-problema tkompli tikber. Anzi, inkabbruha aħna stess bl-infieq, bla ħsieb, fl-infrastruttura tat-toroq.
Inizjattivi li jħajru użu ikbar tat-trasport pubbliku huma tajba. Kull inċentiv li jwassal għal użu iktar frekwenti tat-trasport pubbliku hu pass il-quddiem. Imma jinħtieġ ukoll iktar investiment fi transport alternattiv kif ukoll li titjieb l-infrastruttura għalih. L-infrastruttura li tiffaċilita l-użu tar-rota, per eżempju, ftit li xejn teżisti. Fuq kollox hawn preġudizzju kbir kontra l-użu tar-rota u kontra ċ-ċiklisti.
Fuq kollox is-settur pubbliku jeħtieġ li jagħti l-eżempju ħalli jħajjar iktar mill-impjegati tiegħu jagħmlu użu mir-rota biex imorru għax-xogħol. Imma biex dan ikun jista’ isir jeħtieġ li jkunu ipprovduti showers fuq il-post tax-xogħol li minnhom hemm ftit li xejn. Il-Gvern jista’ jekk irid jieħu l-inizjattiva u jagħti l-eżempju. U inizjattiva ta’ din ix-xorta ftit tiswa’ flus.
Il-parti l-kbira tad-distanzi bejn post u ieħor f’pajjiżna huma żgħar. Dan suppost jagħmilha iktar faċli biex iktar persuni jinqatgħu mid-dipendenza fuq il-karozza privata. Għalhekk forsi jista’ jkun iktar faċli li naslu lejn soluzzjoni jekk għall-bidu niffukaw il-ħidma tagħna fuq livell lokali bil-ħsieb li innaqqsu sostanzjalment l-użu tal-karozzi privati f’distanzi żgħar fil-lokalitajiet infushom kif ukoll bejn il-lokalitajiet ġirien. F’uħud mill-irħula, per eżempju spiss niltaqgħu ma bdiewa anżjani li jiċċaqalqu min-naħa għall-oħra tar-raħal bir-rota. Eżempju li jista’ jinfirex mat-tfal tal-iskola u bil-mod il-mod mal-bqija tal-komunitá. Minn livell lokali imbagħad nistgħu nfirxu l-esperjenza għal-lokalitajiet qrib.
Għax anke fil-qasam tat-trasport il-problemi nazzjonali jistgħu jissolvew fl-ibliet u l-irħula tagħna. Il-problemi ambjentali ikkawżati mill-konġestjoni tat-traffiku nistgħu nsolvuhom b’dan il-mod. Is-soluzzjonijiet imbaghad jinfirxu għall-bqija tal-pajjiż. Dan li jfissru l-kliem think global, act local.
Għax il-konġestjoni tat-traffiku ma nsolvuhiex bil-flyovers iżda billi illum irawmu l-ġenerazzjonijiet ta’ għada. B’hekk nistgħu naslu. Ovvjament jekk irridu naslu.
ippubblikat fuq l-Illum, nhar it-23 t’Ottubru 2016