Bħalissa qed jikkonsultawna spiss. Jekk jagħtux kaz ta’ dak li ngħidu, imma, dik ħaġa oħra.
Kultant naħseb ukoll li ma jagħmilx ġid li numru ta’ affarijiet importanti issir id-diskussjoni pubblika dwarhom fl-istess ħin.
Bħalissa d-diskussjoni pubblika hi iffukata fuq ta’ l-inqas tlett affarijiet importanti: fuq il-budget, fuq il-Masterplan ta’ Paceville u fuq l-impjant tal-gass fil-power station ta’ Delimara.
Iż-żmien għal dawn il-konsultazzjoniet pubbliċi hu limitat.
Il-konsultazzjoni pubblika dwar Paceville hi ikkumplikata minħabba it-tip ta’ proposti li ġew ippreżentati. Ir-rapport trid taqrah numru ta’ drabi biex tibda tifhmu mhux biss għax ikkumplikat minnu innifsu imma ukoll għax min kitbu qagħad jilgħab bil-kliem. Bil-konsegwenza li hemm numru ta’ proposti kważi moħbijin.
Min-naħa l-oħra l-konsultazzjoni pubblika dwar l-impjant tal-gass tirrikjedi eżami ta’ dokumentazzjoni voluminuza imqassma f’madwar 300 file elettroniku. Il-konsultazzjoni pubblika ser iddum 4 ġimgħat: iktar kien jagħmel sens kieku kella iddum 4 xhur minħabba li biex issir sewwa tirrikjedi ħafna xogħol.
Meta wieħed iqis li ħafna drabi jkunu l-istess nies li jinvolvu ruħhom f’din il-konsultazzjoni pubblika malajr nifhmu id-diffikultajiet li jkollna għax il-ħin hu limitat għal kulħadd.