Ir-riskji tat-tanker tal-gass

Delimara floating gas stirage terminal

Ilna iktar minn tliet snin nargumentaw fuq il-ħażna tal-gass għall-power station ġdida li kienet issue ċentrali fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Qabel l-elezzjoni l-ħażna kienet proposta li issir fuq l-art. Wara l-elezzjoni nbidlu l-pjani u saret il-proposta għall-ħażna fuq il-baħar.

Tajjeb li niftakru li fi tmiem is-snin 90 kien hemm diskussjonijiet dettaljati mat-Taljani tal-AGIP dwar il-kostruzzjoni ta’ pipeline tal-gass bejn Gela fi Sqallija u Marsaxlokk. Il-ftehim ma twettaqx għax kieku ilna 20 sena bil-gass u t-tanker ma kienx ikun hemm bżonnu.

Il-Gvern ħabbar xi xhur ilu li t-tanker tal-gass sorġut fil-Port ta’ Marsaxlokk ser ikun qiegħed hemm temporanjament sakemm ikunu iffinalizzati l-proċeduri kollha neċessarji biex isir il-pipeline tal-gass.

Meta kien hemm id-diskussjoni dwar il-power station il-ġdida quddiem il-Bord tal-MEPA xi sentejn ilu konna iddiskutejna f’ċerta dettall id-diffikultajiet li konna qed nantiċipaw dwar dan it-tanker tal-gass. Dawn essenzjalment kienu tnejn. L-ewwel l-impatt tal-maltemp fuq it-tanker innifsu kif ukoll fuq il-vapuri  fil-viċinanzi, prinċipalment dawk fil-Port  Ħieles imma ukoll l-impatt fuq is-sajjieda. It-tieni dwar il-miżuri ta’ sigurtá biex ikunu evitati inċidenti u f’kaz li dawn xorta jseħħu jkunu minimizzati l-konsegwenzi.

Fil-ġranet li ġejjin ser ikunu ippubblikati r-rapporti li saru u terġa tiftaħ beraħ id-diskussjoni.

Naħseb li kulħadd jieħu pjaċir kieku dawn il-problemi jissolvew.

L-istandards ta’ sigurtá fl-industrija tal-gass ifissru li dwar issues ta’ sigurtá u periklu, r-riskju possibilment ikun minimizzat kif kienu rrappurtaw l-esperti George Papadakis u Roberto Vaccari, kwazi tlett snin ilu. Hemm ukoll il-materja tas-sigurtá marittima li għad irridu naraw x’miżuri effettivi ser jittieħdu. Għax s’issa ftit huwa magħruf sakemm naraw ir-rapporti u naqrawhom sew.

Ir-riskji ħadd ma hu ser jeliminhom. Bla dubju hemm kull interess li dawn jonqsu l-iktar possibli. Imma kemm fil-fatt jonqsu  għad irridu naraw. Kif wara kollox irridu naraw min ser iħallas il-prezz. U l-prezz, tajjeb li niftakru, ma jitħallasx biss bl-euro.

ippubblikat fuq iNews : 17 t’Ottubru 2016

Il-kosta tagħna lkoll?

paceville-mp-land-use

Il-Masterplan għal Paceville huwa mifrux fuq medda kbira ta’ art. Għax Paceville tmiss ma’ Pembroke, mas-Swieqi u anke ma’ San Ġiljan. Imma għandha ukoll biċċa kosta twila ġmielha, li skond minn fejn tibda tkejjilha tista’ ġġebbed bejn tlieta u erbgħa kilometri.

Il-pjan jgħidilna li ser ikun possibli li tippassiġġa mal-kosta kollha.  Imma r-realtà hi li kosta kollha ta’ Paceville hi mimlija konċessjonijiet  li l-Gvern tul is-snin ta lill-privat għan-negozju, prinċipalment negozju konness mal-baħar jew mal-lukandi.

Waqt il-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u l-Ippjanar, id-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern ippreżenta pjanta li turi il-propjeta kollha li għandu l-Gvern f’Paceville, biċċa waħda tmiss ma l-oħra. F’xi każi l-pjanta turi bejn 4 metri u 5 metri mill-kosta l-ġewwa li huma riżervati għall-aċċess tal-pubbliku, għalkemm ħafna drabi m’huwiex ċar kif dawn il-passaġġi riżervati għalina lkoll tista’ tasal għalihom.

F’Mejju li għadda b’vot unanimu l-Parlament approva emendi għall Kodiċi Civili li permezz tagħhom ġie ċċarat li l-kosta hi propjetà pubblika. Jiġifieri din hi tagħna lkoll. Mill-inqas sa 15-il metru l-ġewwa minn fejn iħabbat il-baħar. Imma fejn il-mewġ jibqa’ dieħel iktar il-ġewwa, il-15-il metru jiżdiedu ukoll, skond is-saħħa tal-baħar.

Is-serjetà kienet titlob li billi l-ewwel abbozz tal-Master Plan ta’ Paceville ġie ippubblikat għall-konsultazzjoni pubblika bosta ġimgħat wara li l-Parlament esprima ruħu b’mod tant ċar, dan kellu jagħti kaz b’serjeta kbira ta’ dak li ddeċieda l-Parlament.

Id-deċiżjoni tal-Parlament dwar il-kosta u l-art ta’ mal-plajja tfisser ħafna iktar minn sempliċi passaġġ fejn jgħaddu n-nies. Imma sfortunatament, il-konsulenti li fasslu l-Master Plan ma fehmu xejn minn dan u minflok ma fittxew kif ser jgħaddu lura lin-nies it-tgawdija ta’ partijiet ikbar mill-kosta qed jipproponulna li jkompli r-renju tal-konkos u l-azzar bi blokki għoljin tletin sular li jistgħu jinbnew viċin tal-kosta.

Issa jew hemm min ma jafx x’inhu jagħmel inkella qed jippruvaw jgħaddu lil kulħadd biż-żmien. Għax jekk il-Parlament qed jaqbel magħna u qiegħed jgħidilna li l-kosta hi tagħna lkoll, kif jiġu dawn il-konsulenti tal-Awtorità tal-Ippjanar jgħidulna li din ser jibqgħu jgawdu minnha l-ftit, biex fiha tibqa’ issir l-adorazzjoni tat-torrijiet?

pubblikat f’Illum : 16 t’Ottubru 2016