Huwa tajjeb li l-gazzetti jkunu kapaċi jikxfu dak kollu li mhux sewwa, jew ta’ l-inqas li jidher li mhux sewwa. Kienet għalhekk f’waqtha kemm l-istorja tal-Malta Today ta’ nhar il-Ħadd kif ukoll id-deċiżjoni immedjata ta’ Joseph Muscat, bħala Prim Ministru, li jiftaħ investigazzjoni immedjata biex jara eżattament x’ġara u, jekk jirriżulta meħtieġ jittieħdu passi bla dewmien.
Waqt li m’huwiex prudenti li nikkummenta fuq l-istorja nnifisha hemm dettall żgħir li ta’ min jitfa ftit dell fuqu.
Fl-istorja tal-Malta Today tingħata informazzjoni anke dwar il-moviment tal-file tal-Pulizija. Din hi nformazzjoni importanti u ta’ relevanza anke għall-istorja innifisha. Imma din hi materja li f‘pajjiż fejn il-Pulizija taħdem bis-serjetà hi iktar minn kunfidenzjali.
F’dawn l-aħħar xhur din it-tip ta’ informazzjoni sensittiva li toħroġ mid-Depot tal-Pulizija ġrat ta’ l-inqas darbtejn oħra. Niftakar il-pubblikazzjoni ukoll fil-Malta Today tal-kontenut tal-file personali tal-Ispettur Elton Taliana kif ukoll it-telefonati li waslu fil-Control Room tad-Depot tal-Pulizja fil-kaz tax-xufier ta’ Manwel Mallia li ġew f’idejn il-Partit Nazzjonalista.
Jidher li l-Korp tal-Pulizja mhux kapaċi jħares l-informazzjoni sensittiva li għandu f’idejh u jieħu passi dwarha. Din hi materja ta’ gravità kbira daqs l-istorja ppubblikata innifisha.
Hemm konklużjoni waħda biss li nista’ nasal għaliha, u din mhux dwar il-kapaċità investigattiva tal-ġurnalist li ħadem fuq l-istorja. Il-ġurnalist li jingħata l-informazzjoni fuq platt jagħmel il-ġudizzju etiku tiegħu dwar kif jista’ jagħmel l-aħjar użu minn dik l-informazzjoni. Imma jibqa’ ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba. Il-ġurnalist xogħolu hu li jiftaħ għajnejh beraħ biex jinforma. Imma anke l-Pulizja għandha l-istess dover u allura meta tagħlaq għajnejha it-tnejn kulħadd għandu jkun imħasseb dwar fl-interess ta’ min tkun qed taħdem.
Min qed jilgħab din il-logħba, qed jilgħab logħoba perikoluża ħafna. Hemm min jivvantaġġa ruħu momentarjament bl-informazzjoni sensittiva li tkun ippubblikata, imma fl-istess ħin qed issir ħsara kbira lill-pajjiż kollu. Għalhekk ukoll jikkrollaw l-istituzzjonijiet. Għax kif jista’, wara dawn l-istejjer ikollok fiduċja fil-Korp tal-Pulizija?
Min ser jitkellem dwar il-governanza tajba issa?