Ir-raġġiera ta’ Simon Busuttil

the-saint

Simon vera miskin. Iħossu waħdu! Fuq il-fosos tal-Furjana żelqitlu li hu biss onest. L-Independent fil-fatt irrappurtatu jgħid: I can offer you something the others don’t possess – honesty.

Ma nistgħux nagħtuh tort, miskin, li jħossu waħdu. Għax meta tkellem kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza, l-anqas laħaq qagħad bil-qegħda li madwaru ma faqqsux l-aġenti. Uħud minn sħabu stess bdew ibiegħu l-passaporti, għax opportunità bħal dik mhux ta’ min jitlifha. Qieshom mejtin bil-ġuħ.

Faqqa’ l-iskandlu tal-Panama u malajr induna li xi avukatini, li huma jew qrabathom iħufu madwar il-partit billu subgħajhom, billi mill-uffiċini tagħhom waqqfu kumpaniji simili. Ma jidhirx li għandhom kumpaniji imma taw pariri li min waqqafhom!

Sar ma jista’ jafda lil ħadd għax dak li jikkritika malajr isib lil xi ħadd madwaru li jkun għamlu hu ukoll.

Hemm problema oħra.

Din id-dikjarazzjoni (li hu biss l-onest) hi insult. Qed ipoġġi lil kulħadd fl-istess keffa għax b’hekk ir-raġġiera jilbisha b’iktar kumdità. Issa politiċi diżonesti hawn peró hu kollu qżież li jgħid li hu onest u l-“oħrajn” m’humiex.

Issa jipprova jgħidilna li mhux eżattament hekk ried jgħid. Li fehmuh ħażin.