Il-PN qed jgħid li l-ħatriet importanti fil-pajjiż għandhom ikollhom l-approvazzjoni ta’ zewġ terzi tal-Parlament.
Issa din, meta tingħad, tinstema tajba. M’għandix dubju li l-iskop wara l-proposta hu wieħed tajjeb. Bħalissa kemm l-Ombudsman kif ukoll l-Awditur Ġenerali jinħatru b’dan il-mod u s’issa dejjem instabet soluzzjoni raġjonevoli għal dawn il-ħatriet. L-argument allura hu jekk dan il-metodu (taż-żewġ terzi) jagħmilx sens għal ħatriet oħra ukoll.
Issemmew żewġ karigi partikolari: dawk ta’ President tar-Repubblika u ta’ Kummissarju tal-Pulizija.
Ikun tajjeb, kif anke qalet diversi drabi Alternattiva Demokratika, li l-President tar-Repubblika ma jibqax jinħatar mill-Parlament waħdu. Minflok għandu jinħatar minn kulleġġ elettorali li jkun jinkludi ukoll (flimkien mal-Parlament)rappresentanza minn kull Kunsill Lokali.
Dwar il-Kummissarju tal-Pulizija l-problema rejali hi li jkun evitat li l-ħatra tiegħu (jew għaliex le, tagħha) tkun tali li titneħħa l-konsiderazzjoni ta’ politika partiġjana bħala kriterju fl-għażla. Tul is-snin, kellna persuni ta’ eċċellenza li okkupaw il-kariga u kellna oħrajn ta’ inkompetenza grassa. Naħseb li l-għażla issir minn żewġ terzi tal-Parlament ma issolvi xejn. Proposta ta’ din ix-xorta tissogra paraliżi amministrattiva. Forsi jkun iktar għaqli li għal karigi ta’ importanza nazzjonali jkun meħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament, b’maġġoranza sempliċi. Imma approvazzjoni bħal din tkun teħtieg public hearing. Jiġifieri li l-persuna nominat tkun mgħarbla fil-pubbliku minn kumitat parlamentari.
Proposta ta’ din ix-xorta ma għandiex tapplika biss għall-Kummissarju tal-Pulizija imma għandha tapplika ukoll għall-ħatriet kollha ta’ ambaxxaturi u għat-tmexxija ta’ awtoritajiet u Dipartimenti tal-Gvern.
L-emfasi tiegħi mhux daqstant fuq il-ħtieġa tal-approvazzjoni mill-Parlament imma fuq li l-persuna proposta tkun mgħarbla fil-pubbliku. B’hekk tonqos il-possibilità tal-ħatra ta’ persuni inkompetenti kif ukoll ta’ persuni li l-unika kwalifika tagħhom tkun it-tessera tal-partit.
Naħseb li sistema bħal din, għalkemm bla dubju kontroversjali, hi iktar prattika mill-proposta tal-approvazzjoni mill-parlament b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.