Leo Brincat: iħallas il-prezz tal-ambivalenza

 

 leo-brincat-2

Il-Parlament Ewropew iktar kmieni illum waranofsinnhar iddeċieda li ma jaċċettax in-nomina ta’ Leo Brincat bħala membru Malti tal-Qorti tal-Awdituri. Fil-Parlament ma kienx hemm diskussjoni, imma r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tas-sorveljanza tal-Budget. Kienet rakkomandazzjoni biex Leo Brincat ikun approvat. Fil-kumitat kien hemm diskussjoni u l-maġġoranza tal-kumitat qablet li Leo Brincat kellu  ikun approvat.

Waqt il-laqgħa tal-kumitat Leo Brincat wieġeb diversi mistoqsijiet mill-membri parlamentari ewropej. Il-mistoqsijiet kienu juru b’mod ċar x’kien ta’ tħassib għall-membri tal-kumitat parlamentari. Ir-raġunijiet u l-argumenti li inġiebu huma bla dubju l-bażi li fuqhom il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw u iddeċidew li ma japprovawx il-ħatra ta’ Leo Brincat.

Hemm min jitħassar lil Leo Brincat għad-deċiżjoni li ittieħdet iktar kmieni illum. Għax, jgħidu, huwa raġel validu, ippreparat u ta’ integrità. U li ma kellux jeħel hu bit-tortijiet tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Tajjeb iżda li niftakru ftit li meta Leo Brincat ġie mgħarbel mill-Kumitat Parlamentari tal-Parlament Ewropew dwar is-Sorveljanza tal-Budget ħarġet ċara ħafna li l-bniedem hu ambivalenti.

Issa l-ambivalenza tfisser l-esistenza simultaneja ta’ żewġ attitudnijiet opposti u konfliġġenti.

Leo Brincat iffaċċjat b’dak li kien qed jingħad dwar l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi fil-każ magħruf bħala l-Panama Papers qal illi li kien hu floku (flok Konrad Mizzi, jiġifieri) kien jirriżenja minn Ministru jew ta’ l-inqas jissospendi ruħu sakemm jiċċaraw ruħhom l-affarijiet. Leo Brincat  żied jgħid li ffaċċjat b’dak li kien qed jiġri kien hemm mumenti li kien qed jikkonsidra li huwa jirreżenja minn Ministru. Imma kieku huwa rreżenja, żied jgħid Leo Brincat, kien ikun “a hero for a day”.  Imbagħad, wara, jitwarrab u jispiċċa “in the wilderness”.

F’din is-sitwazzjoni, żied jgħid, ipprefera li jiġġieled minn ġewwa. Ma qalilniex kif jew x’għamel. Imma nafu minn dak li ħareġ fl-istampa li f’dak iż-żmien kien hemm laqgħa movimentata tal-grupp parlamentari laburista u Leo Brincat issemma flimkien ma numru ta’ veterani oħra fil-grupp Parlamentari Laburista li insistew għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco. Imma jidher li kienu fil-minoranza.

Imbagħad ġiet is-siegħa tal-prova, l-vot ta’ sfiduċja fil-Parlament. F’din is-siegħa tal-prova Leo Brincat bil-vot tiegħu ddikjara li kellu fiduċja f’Konrad Mizzi u ivvota favur tiegħu, minkejja li fil-fehma tiegħu Konrad Mizzi kellu jirreżenja!

Ambivalenza iktar minn din qatt ma rajt u diffiċli biex nara.

Huwa veru li ma kellux freevote imma li kien obbligat mill-Partit tiegħu li ma jivvutax kontra Konrad Mizzi. Imma dik kienet l-għażla li kellu jagħmel Leo Brincat. Meta ġie biex jagħżel ivvota kontra dak li kien jemmen fih. Ivvota favur il-medjokrità u kontra s-serjeta u l-governanaza tajba.

Fil-fehma tiegħi din hi l-issue ċentrali li fuqha iddeċieda l-Parlament Ewropew meta għarbel il-ħatra ta’ Leo Brincat. Kien ċara daqs il-kristall minn kmieni. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Leo Brincat favur l-imġieba korretta u l-governanza tajba ma jikkorrispondux mal-vot ta’ fiduċja favur Konrad Mizzi. Huma żewg affarijiet kontradittorji.

Dak hu li jfisser il-vot tal-lum fil-Parlament Ewropew. Min m’għandux il-kuraġġ tal-konvinzjonijiet tiegħu (għax jemmen ħaġa u jagħmel mod ieħor) mhux addattat għal karigi pubbliċi.

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s