L-iskema li tħabbret il-ġimgħa l-oħra mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri dwar il-ħruġ ta’ permessi ta’ żvilupp fejn hemm bini illegali jew irregolari hi inkwetanti għax tagħti daqqa ta’ ħarta lit-trasparenza fil-proċess tal-ippjanar fl-użu tal-art.
Sal-lum dettalji dwar l-applikazzjonijiet (tip, użu, lokalità u identità ta’ żviluppatur) ikunu ppubblikati u hemm żmien stabilit sa meta kull persuna li għandha interess tkun tista’ toġġezzjona għall-iżvilupp propost. Wara, sal-lum hemm ukoll il-possibilità ta’ appell.
Dan m’huwiex possibli li jsir f’dawn l-applikazzjonijiet dwar il-bini illegali. Ser jagħtu ċans biss lil min żmien ilu jkun għamel rapport u li a bażi tiegħu tkun ħarġet ordni ta’ infurzar (enforcement order). Dan imur kontra il-prinċipju bażiku stabilit fil-liġi tal-ippjanar: l-informazzjoni għandha tkun pubblika kollha. Għax jekk l-informazzjoni ma tkunx pubblika l-iskrutinju pubbliku ma jistax isir.
B’daqqa ta’ pinna Deborah Schembri bagħtet l-ippjanar ta’ l-użu tal-art tletin sena lura. Fejn kollox isir bil-moħbi.
Min qal li l-aqwa fl-Ewropa?