Victor Axiaq : meta ser jirreżenja?

Victor Axiaq

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi immexija minn Victor Axiaq s’issa qegħda hemm għal xejn. Suppost li l-Ippjanar infired mill-Ambjent biex flok MEPA għandna żewġ awtoritajiet prinċipalment biex l-ambjent ikun iktar b’saħħtu.

Imma, sfortunatament qatt daqs illum ma kien daqshekk dgħajjef l-amministrazzjoni tal-ambjent f’pajjiżna. Meta hu magħruf li fil-memo mibgħuta mill-Professur Victor Axiaq lil Dr Timothy Gambin l-EIA dwar Townsquare f’Tas-Sliema kien deskritt bħala farsa (a sham) bil-fors tistaqsi għalfejn s’issa l-Awtorità tal-Ambjent għadha ma għamlet xejn.

L-anqas ma kellha toqgħod tistenna sa wara li tittieħed id-deċiżjoni biex l-Awtorità tal-Ambjent tiċaqlaq. Għax jekk kienet taf li l-EIA kien farsa kellha l-obbligu li tiċċaqlaq ħafna qabel. L-anqas biss indenja ruħu jinkariga uffiċjali tal-awtorità li jmexxi biex jippreżentaw il-kaz ambjentali kontra it-torri ta’ Gasan (Townsquare) f’tas-Sliema. Għax dawn l-uffiċjali, nhar l-4 t’Awwissu 2016 kienu preżenti għas-seduta pubblika tal- Awtorità tal-Ippjanar, imma kollha baqgħu b’ħalqhom magħluq. Dan minkejja l-memo li ħejja Victor Axiaq u li inżammet mistura minn Dr.Timothy Gambin.

Kif qalu l-attivisti ambjentali li iddimostraw quddiem l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi dalgħodu :  l-Awtorità hi baħħ. S’issa jidher li biha u mingħajrha xorta. Ma nafx x’inhu jistenna l-Professur Victor Axiaq biex jirreżenja.