Salvu Mallia f’pajjiż tal-Mickey Mouse

Mickey-mouse

 

Salvu Mallia ħadha bi kbira li l-programm tiegħu Madwarna mhux ser ikun parti mill-iskeda tal-ħarifa ta’ TVM. Ma ntagħżilx għall-iskeda li jmiss, bħal Times Talk. Ta’ Times Talk min-naħa l-oħra kienu qed jistennewha! Għax rifsu l-kallijiet.

Salvu Mallia kellu l-istil tiegħu li, għalkemm mhux bilfors jogħġob lil kulħadd kien kapaċi jwassal messaġġ ta’ apprezzament dwar dak kollu li hawn madwarna. Messaġġ li kien jinftiehem minn uħud li soltu ma jagħtux każ. U għalhekk laħaq uħud li forsi ma ntlaħqux qabel.

Jiena ma naħsibx li Salvu Mallia u Times Talk jippretendu li jkollhom ċens perpetwu fuq TVM. Kif inhu xieraq, iċ-ċens perpetwu hu riżervat għal programmi ta’ kwalità għolja ħafna. Probabbilment li ġie meqjus illi Times Talk u l-programm ta’ Salvu Mallia għalkemm kienu tajbin ma laħqux il-livell għoli ħafna ta’ programmi bħal Realtà.

Għax ngħiduha kif inhi, biex iżżomm fuq l-iskeda programm bħal Realtà, bilfors li tkun tikkunsidrah bħala programm ta’ kwalità għolja ħafna.

Ovvjament dan ifisser li ma nifhmux l-istess ħaġa meta ngħidu “kwalità għolja”. Imma dawn huma l-konsegwenzi li ngħixu f’pajjiż tal-Mickey Mouse.