Fejn xejn m’hu xejn, m’hemmx konflitt ta’ interess

Timothy Gambin2                        Victor Axiaq

Bħalkom qrajt id-dikjarazzjonijiet tal-Professur Victor Axiak u tal-arkejologu marittimu Dr Timothy Gambin fejn qalu li minkejja li taw il-kontribut professjonali tagħhom fl-EIA tal-Power Station tal-gass f’Delimara huma qatt ma irrappurtaw lill-membri individwali tal-konsorzju.

Huma qalu li jirrappurtaw direttament lill-koordinatur tal-EIA u qatt lill-applikant.

Din il-kontroversja ma bdietx b’Axiaq u Gambin imma ilha sejra is-snin. Ir-responsabbiltajiet ta’ dawk li jħejju l-EIA, irrispettivament lil min jirrappurtaw, m’humiex kompatibbli mar-responsabbiltà li tkun membru tal-Awtorità tal-Ippjanar jew tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Ma jagħmilx sens illi fuq kaz jagħmlu r-rapport tal-EIA u ma jeħdux sehem fid-deċiżjoni imma fuq każi oħra jibqgħu hemm. Jeħtieġ li jifhmu illi l-funżjoni tal-membri ta’ dawn iż-żewġ awtoritajiet (Ippjanar u Ambjent/Riżorsi) hi waħda li jgħidulha kważi-ġudizzjarja. Meta terfa’ l-piz li tagħti d-deċiżjonijiet ma tagħżilx inti li f’xi każi tħejji r-rapporti u f’oħrajn tiddeċiedi. Qiesu avukat li għal xi kazi jirrappreżenta lill-klijenti tiegħu u għal oħrajn joqgħod fuq il-pultruna ta’ imħallef!

Ma jistgħux ikunu fuq iż-żewġ naħat, anke jekk jiddefinixxu lilhom infushom bħala “indipendenti”. Għax hekk jippretendu li huma. Indipendenti dejjem. Meta jħejju r-rapport jgħidu li huma indipendenti u meta jkunu fuq l-awtorità biex jiddeċiedu jippretendu li huma indipendenti ukoll. Indipendenti minn xiex?

Fil-fehma tiegħi u ta’ ħafna ambjentalisti oħra, l-indipendenza tal-membri individwali tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi hi kompromessa kull darba li dawn jaċċettaw l-inkarigu li jħejju parti mir-rapport tal-EIA għal xi proġett partikolari.

Iridu jagħżlu. Jew membri indipendenti tal-awtorità inkella esperti indipendenti li jħejju r-rapporti. Imma dawn iridu jagħmlu it-tnejn, kif jgħidu l-Inġliżi: running with the hares and hunting with the hounds!

Kif jista’ membru tal-Awtorità tal-Ippjanar jippretendi li waqt li hu membru ta’ din l-awtorità jibqa’ jipprattika ta’ konsulent dwar l-EIAs? Kif jista’ membru jippretendi li meta titla’ applikazzjoni dwar proġett għal deċiżjoni  quddiem l-Awtorità dwar persuna li kienet “klijent” tiegħu, qiesu ma ġara xejn.

F’pajjiż żgħir bħal tagħna m’huwiex aċċettabbli li l-membri tal-awtoritajiet ikunu fuq ix-żewġ naħat anke jekk f’każi differenti. Hemm konflitti kbar li m’humiex ser jissolvew bid-dikjarazzjonijiet li għalihom kollox sar sewwa.

Għax saru sewwa l-affarijiet biss, fejn xejn m’hu xejn.